Internazzjonali

Niġerja: Maqtula waqt protesti kontra l-brutalità tal-pulizija

Numru ta’ persuni li ssieħbu fi protesta kontra l-brutalità tal-pulizija spiċċaw maqtula jew midruba fost l-isparar f’Lagos, li hi l-akbar belt fin-Niġerja.Ix-xhieda fl-inħawi qalu li mietu talanqas tnax meta gruppi ta’ suldati fetħu n-nar fuq in-nies, bil-midruba ma jonqsux, fost il-paniku u l-pandemonju.

Kelliema għall-grupp Amnesty International, fl-istess ħin, qalu li kellhom ‘rapporti kredibbli ħafna’ dwar l-imwiet f’Lagos, iżda s-sorsi fi ħdan l-Armata Niġerjana ċaħdu għal dawn ir-rapporti bħala ‘foloz’.

Intant, kien implimentat curfew indefinittiv ta’ 24 siegħa f’Lagos u f’reġjuni oħra tan-Niġerja, bil-President Niġerjan, Muhammadu Buhari, jappella ‘għall-kalma u biex in-nies jifhmu s-sitwazzjoni waqt li jikkooperaw fiz-zamma tal-ordni.

Fl-istess ħin, gruppi  żgħar ta’ nies qed jisfidaw il-curfew u jinġabru mill-ġdid fil-pjazza ta’ Lagos fejn seħħew l-isparaturi fatali.

Il-protesti dwar l-aġir ta’ taqsima speċjali tal-pulizija Niġerjana kienu ilhom għaddejjin għal ġimgħatejn, bid-dimostranti jużaw il-hashtag ‘EndSars’ biex jattiraw lin-nies għad-dimostrazzjonijiet. It-taqsima magħrufa bħala l-Iskwadra Speċjali għall-Kontra s-Serq spiċċat xolta żmien ilu, iżda ma battietx ir-rabja tan-nies għall-aġir brutali tal-membri tagħha.

Il-qtil f’Lagos nissel xokk anki ‘il hinn min-Niġerja, bl-eks First Lady (u Segretarju tal-Istat) tal-Istati Uniti, Hillary Clinton issejjaħ biex il-President Buhari u l-Armata ‘ma jkomplux joqtlu lid-dimostranti żgħażagħ’.

Anki l-eks Viċi-President Amerikan Joe Biden – li qed jikkuntesta għall-Presidenza Amerikana għan-nom tal-Partit Demokratiku – appella ‘biex l-awtoritajiet Niġerjani jieqfu mill-kampanja vjolenti kontra d-dimostranti li qed jipprotestaw fil-paċi għar-riforma tal-pulizija f’pajjiżhom’.

Il-plejer tal-futbol Niġerjan, Odion Jude Ighalo, li qiegħed fuq il-kotba ta’ Manchester United, akkuża lill-Gvern tan-Niġerja b’li qed joqtol liċ-ċittadini tiegħu . Ighalo tenna li ‘qed iħoss sens ta’ mistħija għal dak li wettqet l-amministrazzjoni Niġerjana fl-aħħar sigħat’.

Ix-xhieda  fis-sit tal-isparatura, sigħat wara l-inċidenti mdemmija, irrakkuntaw li ‘raw lill-pulizija qed jisparaw direttament għal fuq in-nies li kienu qed jipprotestaw bil-kwiet għall-bidliet xierqa fil-korp tal-pulizija’. Huma qalu li l-isparaturi f’Lagos komplew għal ħafna żmien u li s-suldati ‘bnew barrikata fl-inħawi’ bir-riżultat li l-ambulanzi ma setgħux jaslu fis-sit fejn kien hemm numru sinifikanti ta’ vittmi u midruba.

Intant, l-awtoritajiet Niġerjani kkonfermaw biss li kien hemm ‘xi persuni midruba’ fl-isparar. Dan waqt li l-President Buhari, fi stqarrija, ma rreferiex direttament għall-isparatura meta ħeġġeġ ‘biex in-nies juru l-paċenzja fi żmien meta qed tirranka r-riforma fil-korp tal-pulizija tal-pajjiż.’