Futbol Sport

Rebħiet għal Man Utd u Juventus

Fi Grupp H, Manchester United għelbu lil PSG 2-1 b’gowl lejn it-tmiem. Manchester United ngħataw penalty fl-20 minuta meta Diallo iffawlja lil Martial fil-kaxxa. Fl-ewwel tentattiv tiegħu Fernandes ra lil Navas isalva l-penalty tiegħu iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, Nava kien qabeż il-linja qabel ma Fernandes għamel kuntatt mal-ballun biex mit-tieni tentattiv l-istess FERNANDES ma żbaljax. PSG ġabu d-draw fil-55 minuta permezz ta’ awto-gowl ta’ ANTHONY MARTIAL. It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer kiseb l-ewwel tliet punti fis-87 minuta meta wara li rċieva mingħand is-sostitut Pogba, kien MARCUS RASHFORD li għamilhom 2-1.

Fir-Red Bull Arena, RB Leipzig għelbu lil Istanbul Basaksehir 2-0. Leipzig fetħu l-iskor wara 16-il minuta permezz ta’ ANGLEINO, bl-istess plejer jagħmilhom 2-0 erba’ minuti wara.

Doppjetta ta’ Morata kienet biżejjed biex Juventus bdew l-esperjenza tagħhom fi Grupp G tal-UEFA Champions League b’rebħa ta’ 2-0 fuq Dynamo Kiev. Juventus fetħu l-iskor fit-tieni taqsima wara li sabuwa diffiċli jiftħu d-difiża avversarja fl-ewwel taqsima. Il-gowl wasal fis-46 minuta meta x-xutt ta’ Kulusevski kien salvat parzjalment minn Buschan, b’ALVARO MORATA jikkonkludi għal ġewwa mill-viċin. It-tim ta’ Andrea Pirlo li għalih kienet l-ewwel partita fil-UEFA Champions League bħala kowċ ta’ Juventus aċċerta mir-rebħa fl-84 minuta meta minn cross ta’ Cuadrado kkonkluda bir-ras.

Barcelona wkoll bdew b’rebħa meta f’darhom għelbu lil Ferencvaros 5-1 Barcelona marru fil-vantaġġ wara 27 minuta permezz ta’ penalty ta’ LIONEL MESSI. ANSU FATI rdoppja tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’konklużjoni mill-isbaħ, biex PHILIPPE COUTINHO għamilhom 3-0 fit-52 minuta wara li l-konklużjoni tiegħu kienet devjata għal ġewwa. Barcelona spiċċaw bi plejer anqas meta Pique ntwera’ l-karta l-ħamra wara li ġibed lil Nguen mill-flokk bir-referee jordna penalty. Minn ħdax-il metru, KHARATIN għamilhom 3-1. Barcelona skorjaw r-raba’ gowl fit-82 minuta permezz ta’ PEDRI. OUSMANE DEMBELE għamilhom 5-1 fid-89 minuta.

Minn Grupp F Lazio kisbu rebħa ta’ 3-1 kontra Borussia Dortmund. Lazio fetħu tajjeb u wara biss sitt minuti marru fil-vantaġġ permezz CIRO IMMOBILE. It-tim imexxi minn Simone Inzaghi rdoppja fit-23 minuta minn corner ta’ Alberto, HITZ kkonkluda fil-lasta tiegħu stess. Borussia Dortmund daħlu fil-partita fil-71 minuta fejn wara azzjoni tajba bejn Haaland u Reyna kien HAALAND li kkonkluda wara Strakosha. Lazio aċċertaw mill-ewwel tliet punti fis-76 minuta permezz ta’ AKPA-AKPRO.

Fil-partita l-oħra mill-istess grupp, Club Brugge bdew b’rebħa ta’ 2-1 barra minn darhom kontra Zenti St. Petersburg. Il-partita żvolġiet fit-tieni taqsima u kienu Brugge li fetħu l-iskor fit-63 minuta permezz ta’ EMMANUEL DENNIS. Zenit ġabu d-draw ħdax-il minuta meta ETHAN HOVRATH f’tentattiv li jtajjar l-ballun ikkonkluda fil-lasta tiegħu stess. Brugge skorja il-gowl tar-rebħa fl-aħħar sekondi tal-partita meta minn cross ta’ Vormer kien DE KATELAERE li kkonkluda għal ġewwa.

Fi Grupp E, Chelsea f’darhom kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Sevilla. Fil-partita l-oħra Rennes u Krasnodar ukoll temmew fi draw ta’ 1-1. Rennes fetħu l-iskor fis-56 minuta permezz ta’ penalty ta’ GUIRASSY biex tliet minuti wara, RAMIREZ ġab id-draw għal Krasnodar.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Fażi tal-gruppi

Illum: Grupp E: Chelsea v Sevilla 0-0, Rennes v Krasnodar 1-1, Grupp F: Zenti v Brugge 1-2, Lazio v B. Dortmund 3-1, Grupp G: Dynamo Kiev v Juventus 0-2, Barcelona v Ferencvaros 5-1, Grupp H: PSG v Man Utd 1-2, RB Leipzig v I. Basaksehir 2-0, Għada:Grupp A: Salzburg v L. Moscow   6.55pm, B. Munich v A. Madrid   9.00pm, Grupp B: R. Madrid v S. Donetsk  6.55pm, Inter v B. Moenchengladbach   9.00pm, Grupp Ċ: Man City v Porto  9.00pm, Olimpiacos v Marseille   9.00pm, Grupp D: Ajax v Liverpool   9.00pm, Midtjylland v Atalanta    9.00pm