“Meta naraw ir-riżultati filfatt Malta donnha qegħda titlef minn din l-attraenza. Din hija aħbar tajba għal pajjiżi oħra. Għax dak li ma jiġix hawn, jista’ jmur x’imkien ieħor jew jibqa’ fil-pajjiż fejn joriġina l-investitur. Imma ma nistgħux bi stħarriġ bħal dan, qisu ma ġara xejn. Ma nistgħux nitfgħuh taħt it-tapit.”
Saħaq dan Joe Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, meta waqt intervista fuq Net TV irreaġixxa għall-Istħarriġ tad-ditta EY dwar kemm pajjiżna huwa attraenti għall-investiment dirett barranin – bil-Gvern jiehu tisbita ta’ 15% f’sena waħda biss.
Joe Farrugia stqarr li neħtieġu neżaminaw sew ir-raġunijiet li dawn taw dawn l-investituri fl-istharrig li sar.
“Din mhux ġiet fuqna iżda ħloqnieha aħna stess u ħloqnieha minn ħafna affarijiet, anki jekk nieħdu l-fatt li l-iskema tal-bejgħ tal-passapporti qed tiġi kkritikata bl-aħrax mill-UE, l-istejjer li ħarġu minn pajjiżna, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, issiefer u kull fejn tmur isemmuhielek, il-fatt li kellna Prim Ministru li kellu jirriżenja, it-tibdil fil-Ministri, l-istejjer ta’ korruzzjoni. Dawn huma kollha stejjer li min jgħidlek imma jiena fejn għandi ninvesti. Din hija waħda mill-mistoqsijiet li jistaqsu. Għalfejn għandi mmurr Malta? Għaliex jaqbilli mmurr Malta? Għaliex jaqbilli nibqa’ Malta?”
Id-Direttur tal-MEA lmenta ukoll fuq il-fatt li l-Gvern għandu nuqqas ta’ viżjoni fit-tul biex jattira niċeċ ġodda fl-ekonomija Maltija:
“Hawnhekk ukoll naħseb jien li hemm nuqqas ta’ ħsieb. Issa jew għax hemm il-kċina qed taqbad u mhux ħa toqgħod taħseb fejn se tmur vaganza imma dak il-ħin tgħid aħjar nikkontrolla n-nar fil-kċina. Imma din il-viżjoni fit-tul hemm bżonnha ukoll għaliex irridu nagħmlu upgrade.”
Intant, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, fl-istess programm qal li s-survey fost l-investituri barranin kien dejjem konsistenti fuq pajjiżna fl-aħħar 16-il sena…. għajr għal din is-sena:
“Il-governanza u s-saltna tad-dritt qabel dejjem kienu fl-ogħla żewġ pożizzjonijiet fir-raġunijiet għalfejn l-investituri jiġu Malta. Illum dik qegħda fl-aħħar post u m’aħniex sorpriżi għax aħna nafu b’li ġara.”
Għalhekk il-ħtieġa azzjoni immedjata mill-Gvern
“Irid ikollna l-kuraġġ, aħna hekk tlabnieh il-Gvern, biex ikun kuraġġuż. Jekk l-azzjonijiet li nieħdu llum ma jitfgħuniex fid-direzzjoni biex inkunu pajjiż aħjar 5/10 snin oħra, inkunu tlifna okkażjoni li 5/10 snin oħra nindunaw. Peress li nafu biha llum qed nagħmlu l-appell biex dan isir issa.”
Apparti l-governanza, Xuereb semma l-bzonn ta’ investiment serju sabiex verament nippreparaw lill-pajjizna ghall-htigijiet tal-futur.
//= $special ?>