Futbol Sport

Swieqi miżmuma fi dro minn Qormi

Chris Cassar

QORMI…………..2

SWIEQI…………..2

Qormi: J. Vella, O. Sidibe, D. Perassoli da Cruz, L. Farrugia, L. Mallia, A. Bonnici, R. Caruana, N. Meli (C. Farrugia 80’), N. Gauci, A. Da Silva, I. Zammit

Swieqi: E. Gatt, I. Micallef (A. Shaw 56’), M. Attard (J. Micallef 72’), J. Magri Overand, K. Muscat (C. Cutajar 56’), S. Ibrahim, D. Schembri Wismayer, E. Ayorinde (J. Willy 46’), F. Temile (M. Ivanovic 72’), J. Azzopardi, D. Borg

Referee: S. Calleja 

Qormi u Swieqi kisbu punt kull wieħed f’partita mimlija azzjoni u b’diversi ċansijiet fuq iż-żewġ naħat. Kienet partita ferm bilanċjata, li setgħet faċilment marret iż-żewġ naħat, bir-riżultat aħħari jkun wieħed ġust.

Swieqi marru mill-ewwel fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti logħob, meta Schembri Wismayer qaleb il-logħob għan-naħa l-oħra tal-grawnd fejn kien hemm Ebenezer Ayorinde, li minn pożizzjoni ferm angolata, għadda l-ballun minn taħt il-gowlkiper Vella għar-rokna tax-xibka.

Fid-29 minuta logħob, Qormi kisbu l-gowl tad-draw meta Da Silva Oliveira qassam tajjeb lejn Danilo Perassoli da Cruz, li għadda tajjeb minn qalb id-difiża avversarja, qabeż lill-gowlkiper u kkonkluda f’lasti vojta. Qormi marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba għaxar minuti wara, meta kross ta’ Neil Meli ħabat mal-gowlkiper, u fost il-konfużjoni, kien Danilo Perassoli da Cruz li ħataf l-okkażjoni u kkonkluda fix-xibka. Fil-bidu tat-tieni taqsima, Qormi kienu ferm viċin li jagħmluhom tlieta, meta xutt ta’ Iven Zammit stampa mal-mimduda.

L-isforzi ta’ Swieqi ġew ippremjati fis-57 minuta, meta xutt ta’ Ibrahim Salis ħabat mal-lasta, bil-ballun jispiċċa f’saqajn il-captain Schembri Wismayer, li minn pożizzjoni ideali ma żbaljax.

Qormi kellhom jilagħbu l-aħħar kwarta logħob b’raġel inqas, meta Aidan Bonniċi ġie muri t-tieni karta safra tiegħu għal foul fuq Willy Joseph.