Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs wara li fera ħafif lill-eks sieħba tiegħu

Sylvester Grech ta’ 33 sena ġie kkundannat tmien xhur ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħ ħfief fuql-eks sieħba tiegħu. Grech instab ħati mill-Maġistrat Joe Mifsud li kkaġuna nefħa mad-dawra tal-għajn tax-xellug tal-vittma.

Il-Qorti ma sabitx lil Grech ħati li ħoloq biża’ lill-vittma u li kienet se tintuża vjolenza kontriha. Il-każ seħħ fis-6 ta’ Jannar tas-sena l-oħra bil-Qorti tordna wkoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.

It-tabib li kien ra lill-vittma fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta qal li l-mara allegat kienet qalghet daqqiet ta’ ponn f’wiccha . Huwa spjega li l-grieħi kien ikklassifikahom bħala ħfief għax ma kienx hemm kumplikazzjonijiet.

Il-vittma fix-xhieda tagħha qalet li fis-6 ta’ Jannar 2019 kienet id-dar isajjar. Kienet hi u l-imputat peress li kellhom relazzjoni u kienu jgħixu flimkien.

F’ħin qalet lil Grech li l-ġiżirana tagħha li kellha valur sentimentali u ma setgħetx issibha u bdiet twaħħal fih li kien ħadha hu. Hija sostniet li imbaghad Sylvester Grech beda jagħtiha bil-ponn.

Il-ġlieda damet għaddejja madwar tlett kwarti sakemm imbagħad bdiet tgħajjat għall-għajjut. Ix-xhud kompliet tispjega li f’ħin minnhom hija ippruvat tieħu sikkina mill-kċina biex tbeżża’ lill-imputat biha iżda imbagħad din hija telqitha minn idha għal fuq il-mejda.

F’ħin minnhom waslu l-Pulizija u fetħilhom l-imputat. Qalet li kienet marret biex jarawha l-Pulizija. Pero ma saqsewhiex fuq id-daqqiet. Qalulha biss li kienu qegħdin jagħmlu l-istorbju.

L-għada marret il-klinika tal-Mosta u eventwalment għamlet rapport fl-Għassa taż-Żurrieq. Qalet li dan ma kienx l-ewwel inċident ta’ bejniethom. Kien hemm diversi drabi fejn hija ġiet mhedda. Hija ippreżentat ukoll numru ta’ ‘voice clips’ mimlijin theddid.    

Xehed ukoll l-Ispettur Roderick Attard li huwa kellem l-ewwel darba lill-vittma jumejn wara li seħħ il-każ fejn innota li kellha ‘black eye’. Hija qaltlu li kienu marru erba’ Pulizija d-dar tagħhom u kemm l-imputat kif wkoll hi kienu qalulhom li kien kollox sew.

Mistoqsija għalfejn kienet wieġbet hekk lill-Pulizija, qaltilhom li kienet qed tibża. L-Ispettur minn hemm ghadda biex arresta lill-imputat. Sylvester Grech qal li dak inhar mar ġabar lis-sieħba tiegħu mix-xogħol għall-ħabta tal-10pm.

Waslu d-dar, hħreg bil-kelba u x’ħin dahal lura hi akkużatu li kien serqilha l-ġiħirana. Qaltlu li jekk ma kienx seraqilha hu, kien ħadilha ibnu. Hu ċempel lil ibnu biex jivverifika jekk kienx ra l-giżirana. Izda hu wieġbu li le. Kompla li kien se jidħol fil-kamra tas-sodda u fil-pront hija ġibdet il-kexxun u ħarġet sikkina. Bdiet tgħidlu li jew se jagħtiha l-gizirana jew inkella kienu se jispiċċaw ħażin.

Hu qabadha minn idha u hija telqet is-sikkina. L-argument kompla u f’ħin minnhom spiċċaw fuq xuxlin u hija daħlitlu zewgt idwiefer taħt għajnejh. Hu pprova jiddefendi lilu inniffsu. Minn hemm huwa ħareġ ’l barra mid-dar fi sforz sabiex jikkalmaw l-affarijiet.

Huwa daħal lura u ftit wara waslu l-Pulizija. Hi ma riditx tmur tiftħilhom u għalhekkk mar hu. It-tnejn ikkonfermaw mal-Pulizija li kien kollox sew. L-għada filgħodu qamet bħal li kieku ma kien ġara xejn u skużat ruħha miegħu. Qaltlu li dak li ġara kien sforz tal-ansjetà li kienet tbati minnha. Huwa ċaħad li kien għamel nofs siegħa jagħtiha d-daqqiet. Qal li lanqas ma seta’ kieku ried  peress li jbati b’qalbu u l-ażma.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-piena m’għandiex isservi bħala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà fil-konfront tal-ħati. Il-piena għandha diversi skopijiet fosthom biex jiġi mħares it-tessut soċjali li jkun ġie mċarrat bil-għemil kriminali ta’ dak li jkun. Fost affarijiet oħra, hemm ukoll ir-riforma tal-istess ħati. Skop iehor tal-piena huwa li tiġi protetta s-soċjetà.

Iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ huma partikolari għal dak il-każ u normalment ivarjaw radikalment miċ-ċirkostanzi ta’ kull każ ieħor. Qatt m’hu permess li argumenti bejn persuni li jkunu jinsabu f’relazzjoni jispiċċaw b’waħda mill-partijiet issofri ġriehi. Il-Qrati ma jistgħux jibqgħu ċassi għal dawn l-abbużi u għandhom joffru protezzjoni lill-vittmi.

Għall-akkużat deheru l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela filwaqt li l-Avukati Frtanco Debono u Amadeus Cachia deheru għan-nom tal-vittma.