Coronavirus Lokali

120 professjonist fl-‘allied health’ joffru li jaħdmu fil-‘contact centres’

Madwar 120 professjonist fil-qasam tal-‘allied health’ offrew li jassistu fiċ-ċentri tal-contact tracing fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers, esprimiet sodisfazzjon għall-konkorrenza qawwija ta’ dawn il-professjonisti. Minbarra fiċ-ċentri tal-contact tracing, dawn il-professjonisti se jkunu qed jassistu wkoll fil-case management.

Il-UĦM qalet li minbarra dawn il-120, hemm 40 professjonist ieħor li lesti jagħmlu dan ix-xogħol iżda peress li huma impjegati ma’ Steward Healthcare u l-Gvern għadu ma assorbihomx, dawn il-professjonisti ma jistgħux jagħtu s-servizz tagħhom.

Il-UĦM qalet li fid-dawl ta’ dan il-ġest volontarju, il-UĦM kompliet tinsisti li dawn ma ħaqqhomx biss ċapċip u kliem ta’ tifħir iżda bonus xieraq li verament juri apprezzament lill-frontliners kollha.