Lokali Qorti

Akkużat li meta kien fis-sakra pprova jisraq minn dar ta’ Pulizija

Somalu li għandu permess ta’ residenza Maltija ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li pprova jikkommetta serqa minn appartament li fiha nzerta jgħix Pulizija.

Bashir Abdulahi Ahmed ta’ 27 sena ġie mixli li sgassa il-bieb tal-appartament bil-Pulizija, li kien fid-dar ma’ missieru mill-ewwel jarrestah fil-post. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2:30am tal-Erbgħa, 21 ta’ Ottubru, fejn Ahmed sa fl-aħħar ċeda wara taqbida mal-uffiċjal tal-Pulizija.

Ahmed ġie akkużat b’attentat ta’ serq aggravat, li rreżista vjolentement l-arrest, attakka lill-uffiċjal tal-Pulizija, insulta u hedded lill-uffiċjal tal-Pulizija, ħsara kriminali u li sar reċidiv.

Huwa kien akkużat ukoll li kien fis-sakra u diżordinat f’post pubbliku u li għex ħajja inattiva u vagabondaġġ. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-garanzija ma ngħatatx. L-Ispettur Jonathan Cassar mexxa l-Prosekuzzjoni.