Lokali Qorti

Arrestat wara li seraq anzjan waqt li kien ġo daru

Raġel ta’ 46 sena ġie arrestat wara li bi skuża daħal f’dar ta’ anzjan ta’ 95 sena fil-Ħamrun, serqu u ħarab jiġri minn fuq il-post.

Nhar it-18 t’Ottubru fl-3.45pm il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Qrejten. Mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna li ġiet inkarigata tiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l- basket u ħarab.

L-investigazzjonijiet baqgħu għaddejin u lbieraħ, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, għal aktar investigazzjonjiet.

Ir-raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.