Sport Sport Ieħor

Birżebbuġa r-rebbieħa tal-ewwel festival organizzat mill-Malta Beach Soccer

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fi Pretty Bay Bireżebbuġa kien organizzat l-ewwel festival tal-beach soccer mill-Malta Beach Soccer.

B’kollox ħadu sehem tmien timijiet fejn minkejja r-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus xorta waħda ngħata spettaklu ta’ logħob sabieħ.

Il-format tat-tournament kien Round Robin, b’dawk li temmew fil-quċċata tal-grupp fil-jum tas-Sibt, il-Ħadd lagħbu kontra dawk li temmew fir-raba’ post filwaqt li dawk li temmew it-tieni lagħbu ma’ tat-tielet.

Fil-finali, Birżebbuġa ħarġu rebbieħa 9-8 bil-penalties fuq Għargħur wara li l-partit ntemmet fi draw ta’ 6-6. F’dan il-festival ipparteċipaw ukoll selezzjoni ta’ plejers mill-proġett li qed tieħu ħsieb l-MFA bl-isem ‘Play Football Live football’ taħt it-tmexxija ta’ Peter Busuttil. Proġett sabiex aktar refuġjati jintegraw ma’ plejers u l-komunitajiet Maltin.

Il-President tal-Malta Beach Soccer Pio Vassallo ddeskriva dan il-festival bħala l-bidu ta’ era ġdida għall- Malta Beach Soccer. Hu qal li l-kumitat irnexxilu jagħti togħma ta’ l-entużjażmu u l-ispettaklu li toħloq din il-logħba minkejja id-diffikultajiet li bħalissa ninsabu fihom. Hu żied jgħid li l-għanijiet illi għandha din l-assoċjazzjoni huma għanijiet fit-tul.

It-trofej kienu preżentati minn Carlo Stivala kunsillier fil-Kunsill lokali ta’ Birżebbuġa kif ukoll Mark Marlow, direttur tekniku tal-futsal and beach soccer fi ħdan l-MFA.