Lokali

Il-Parlament isellem lil Frederick Azzopardi; politiku mfakkar għall-kariżma, l-umiltà u l-irġulija tiegħu

Il-parlament Malti dalgħodu sellem lill-ex deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi li miet ftit ilu f’seduta li fiha tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch u d-deputati Nazzjonalisti Adrian Delia, Chris Said u Kevin Cutajar.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li ftit huma dawk id-deputati li jirnexxielhom jagħmlu iktar minn 20 sena imma jkunu eletti għal ħames darbiet konsekuttivi; Fredrick Azzopardi rnexxieu jagħmlu dan wara li kien elett għall-ewwel darba fl-1998.

L-Għawdxin kienu jħobbu lil Fredrick u hu kien iħobbhom lura; ftit kienu l-Għawdxin li fredrick ma kienx jafhom individwalment, sostna l-Ministru Chris Fearne, li qal li Fredrick kellu l-kapaċità li mhux biss ikun ġentlom iżda li jġiegħlek tiftiehem miegħu bla ma tkun taf.

Hu semma’ l-ħidma li Fredrick Azzopardi kien iwettaq fl-OSCE fejn kellu stima kbira tant li l-Presidenza kienet titolbu jintervjeni fi kwistjonijiet diffiċli f’okkażjoni minnhom anki bejn l-Istati Uniti u l-Palestina u l-Federazzjoni Russa u l-Gorġja. Fredrick Azzopardi kien jirnexxielu jsolvi l-problemi; anki fil-parlament Malti fejn serva bħala Deputat Whip tal-Oppożizzjoni.

Chris Fearne kompla li l-gvern kien anki jikkonsulta ma’ Fredrick biex jinstabu soluzzjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Dak kien is-sigriet tas-suċċess ta’ Fredrick li kellu l-kapaċità li jmur tajjeb ma’ kulħadd, sostna d-Deputat Prim Ministru, li ta l-kondoljanzi tal-gvern lill-familja Azzopardi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li hu ma jafx lil Fredrick għaliex għadu dieħel fil-politika u fil-PN u għalhekk ma kellux relazzjoni ma’ Fredrick Azzopardi. Hu sostna li hu sar jaf lil Fredrick Azzoaprdi minn għemilu u minn dak li jirrakkontaw dwaru; l-aħjar mod kif issir taf persuna hu billi tħares lejn il-familja tiegħu. Il-Kap tal-PN sostna li kien tkellem ma’ Fredrick fil-kampanja għall-ħatra ta’ Kap tal-PN meta Fredrick kien diġà jidher li qed ibati.

Fhimt kemm Fredrick u martu Carmen kienu persuni kbar u meta ħarist lejn uliedu u smajt l-omelija tal-qassis fil-quddiesa tal-funeral, fhimt li tista’ tkun persuna sempliċi u kwieta iżda persuna kbira u tagħmel ħoss fis-silenzju tiegħek, sostna Bernard Grech, li kompla li Fredrick kien persuna umli li warajh ħajja ħafna ġid.

Nixtieq inkompli nsir nafek permezz ta’ sħabek u tal-familja tiegħek biex nitgħallem minnek, sostna Bernard Grech, li sellem ukoll lill-ex deputat Laburista Karl Chirchop, li ddeskrivieh bħala kien bniedem sabiħ li ħalla togħma tajba tal-politika. Ejja nibqgħu napprezzaw lil xulxin u napprezzaw kemm hawn nies ġenwini li lesti jagħtu servizz ġenwin lill-pajjiż, sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech.

Id-deputat Nazzjonalista u ex Kap tal-PN Adrian Delia qal li fil-politika hemm in-nies u l-politiċi li jagħmlu differenza fis-skiet biex iwasslu messaġġ u jagħmlu l-bidliet. Hu kompla li fl-omelija tal-quddiesa tal-funeral ta’ Fredrick Azzopardi kienet elenkata l-imħabba li Fredrick kellu lejn il-familja.

Adrian Delia qal li, lilu, Fredrick Azzoapardi kien bidlu fil-politika u rringrazzja lill-familja Azzoaprdi li silfet lil Fredrick lill-pajjiż. Biex tieħu raġun fil-politika trid tħalli effett fuq il-persuna li jasal biex jifhem, sostna Adrian Delia, li kompla li l-aħħar ġranet ta’ Fredrick kienu wkoll l-aħħar ġranet tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Fredick kien ċempilli biex jagħmilli kuraġġ; Fredrick qatt ma ħaseb fih innifsu anki fil-mumenti ta’ uġiegħ personali, sostna l-ex Kap tal-PN.

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li ilu jaf lil Fredrick għal snin twal u sostna li Fredrick dejjem jagħti importanza lis-sustanza fil-politika; element li hu l-qofol fil-politika. Għalhekk Fredrick ħalla impatt fil-politika u f’Għawdex.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li Fredrick ta 50 sena servizz lill-Għawdxin fis-servizz pubbliku u fil-bidu tal-Ministeru għal Għawdex wara l-1987 fejn Fredrick kien il-kuntatt man-nies. Hu qal li Fredrick kellu għal qalbu l-għaqdiet volontarji; fuq quddiem is-Soċjetà Leone.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li Fredrick kien jattendi l-attivitajiet kollha fil-lokalitajiet għaliex kien jemmen fil-kuntatt man-nies. Fredrick kien itini pariri ta’ persuni ta’ esperjenza kbira bla ma jieħu l-mertu, sostna Chris Said, li kompla li kulħadd hu midjun lejn Fredrick għat-tagħlim li kien jagħti.

L-Isepaker Anġlu Farrugia qal li kien iltaqa’ ma’ Fredrick fl-1993 meta kien għadu Supretendent tal-Pulizija f’Għawdex fejn sar ħabib kbir tiegħu. Hu sostna li kien feraħ u beka ma’ Fredrick f’diversi okkażjonijiet u kompla li Fredrick kellu kariżma kbira u kien joqgħod attent li ma jweġġa’ lil ħadd bid-diskorsi tiegħu. Fredrick Azzopardi kien janalizza r-rulings tiegħu fid-dettall, qal l-Ispeaker.