Internazzjonali

Imut wieħed mill-voluntiera tal-vaċċin tal-COVID-19

Miet wieħed mill-voluntieri li kien parti mill-programm tal-vaċċin tal-COVID-19 li qed isir mill-Università ta’ Oxford, bir-riċerkaturi jgħidu li l-istudji se jibqgħu għaddejin xorta waħda.

Il-kumpanija qalet li ma tistax tagħti dettalji dwar il-vittma u b’hekk għadu mhux magħruf jekk din il-mewta kinitx relatat mal-vaċċin jew le.

Kelliem għall-kumpanija AstraZeneca, li qed tmexxi din ir-riċerka, qalet li ma kienx hemm tħassib dwar is-sigurtà tal-vaċċin. Sorsi qed jgħidu li l-vittma ma ngħatax il-vaċċin tal-Coronavirus iżda ngħata placebo, liema proċedura hi pjuttost normali.

Il-vaċċin jinsab fit-tielet u l-aħħar fażi tieghu qabel ikun jista’ jiġi ddikjarat sigur.

Intant, Spanja hu l-ewwel pajjiż fil-Punent tal-Ewropa li laħaq il-miljun każ posittiv tal-COVID-19, filwaqt li Franza laħqet ukoll din iċ-ċifra ftit tas-sigħat wara.

Għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja kollha mhux qed ilaħqu mat-tixrid tal-virus hekk kif l-Ewropa tinsab fit-tieni mewġa tal-COVID-19, bil-każijiet jum wara l-ieħor dejjem qed jiżdiedu. Minħabba din ir-realta’, il-Gvern Taljan ħabbar li lest jieħu l-passi kollha neċessarji u jintervjeni fejn hemm bżonn.

L-Istati Uniti huwa l-iktar pajjiż fid-dinja bl-akbar ammont ta’ każijiet pożittivi irreġistrati; ferm aktar minn tmien miljun każ.