Lokali Qorti

Iż-żagħżugħ miċ-Chad kellu ksur fl-ispalla wara li ttajjar minn karozza

Iż-żagħżugħ miċ-Chad li kien ittajjar minn karozza kellu ksur fl-ispalla x-xellugija u ma setax jagħti dettalji dwar x’kien ġara minħabba li ma beda jiftakar xejn.

It-tabib Saverio Francesco Bianco qal fil-Qorti li May Malini li kellu 17-il sena meta seħħ il-każ kellu difformità fi spalltu x-xellugija u gundalla fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasu u qsim fil-ġilda,

It-tabib kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, ta’ 42 sena, li nqatel fis-6 ta’ April 2019 meta kien miexi lejn iċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far.

Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, li dak iż-żmien kienu fil-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu akkużati bil-qtil tiegħu fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa.

Huma qegħdin jiġu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq May Malini u bl-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bahh u Mohammed Diallo li huma mill-Gambja, li kienu sfaw feruti.

It-tabib Saverio Francesco Bianco esebixxa faxxiklu ta’ tliet paġni ta’ dokumenti li jikkonsisti ir-rilaxxament mill-Isptar Mater Dei ta’ May Malini. Huwa raha lill-pazjent 2 ta’ Frar 2019 u li dan ġie rilaxxat tliet ijiem wara. Qal li mar-rilaxxament tiegħu l-pazjent kien stabbli u li  għal ħames t’ijiem kellu jibqa’ jieħu l-antibijotiċi.

Wara tela’ fuq il-pedana tax-xhieda Nathalino Agius espert nominat mill-Qorti li spezzjona karozza tat-tip Volkswagen Gold li allegatament intużat mill-akkużati.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u s-Supretendent Trevor Micallef, filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia, Francesca Zarb u Kris Busietta qed jidhru għal Scicluna.

L-Avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Fenech. L-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-30 ta’ Ottubru li ġej.