Budget 2021 Coronavirus Lokali

‘L-akbar Budget’ ma joħroġx 1ċ għall-frontliners

Dak li fi kliem il-Ministru Silvio Schembri kien ‘l-akbar budget li qatt ġie mfassal minn Gvern Malti’ ma ħasibx imqar għal ewro wieħed żejjed għall-ħaddiema li bħalissa qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi… dawk il-ħaddiema kollha li ta’ kuljum qed joħorġu għax xogħol b’riskju ghalihom infushom, bħat-tobba u l-infermiera, il-midwives u l-carers, imma mhux biss, Pulizija u gwardjani lokali, għalliema u LSEs, pustiera, u ħaddiema tal-banek fost l-oħrajn.

Il-konferma li l-Gvern injora lil dawn il-ħaddiema tahielna l-Ministru stess waqt konferenza f’nofs Strada Rjali, meta ma kienx kapaċi jwieġeb għalfejn f’Budget ta’ erba’ biljuni ma kienx hemm ċentezmu wieħda extra ghal dawn il-haddiema li huma krucjali waqt il-perijodu tal-pandemija.

Il-Ministru Silvio Schembri, wara li ta tweġiba twila ħafna li ma kienet twieġeb assolutament xejn, reġa’ ma weġibx meta staqsejna kif il-Gvern kien tant xħiħ ma’ dawn il-ħaddiema, imma mbagħad reġa’ ħareġ 90 miljun ewro mit-taxxi taghna biex itihom lil Steward Healthcare.

Dan, minkejja li l-Awditur Ġenerali kien sab li l-bejgħ tal-isptarijiet Maltin ma kien xejn għajr konfoffa minn wara dahar il-poplu Malti li llum qed tiswa l-mijiet tal-miljuni – bil-pajjiż jispiċċa f’sitwazzjoni fejn għandna bżonn aktar sodod, iżda ma nistghux nużaw faċilitajiet mediċi bħalma huma l-Isptar San Luqa, għaliex fih ma sar ebda investiment.