Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra għal libertà proviżorja fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi

Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet talba oħra għal libertà proviżorja fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi. Għal darba oħra l-Qorti ma laqgġetx it-talba tad-difia minħabba dik li sejħet in-nuqqas ta’ affidabilità tiegħu.

L-Avukat Difensuri Franco Debono, Joe Giglio u Amadeus Cachia saħqu għal darba oħra li l-każ ilu jkarkar minn Marzu tal-2019. Azzopardi ta’ 30 sena ilu miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sa mit-13 ta’ Marzu tas-sena l-oħra.  

Huwa qed jiffaċċa 15-il akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis bid-difiża qed tikkontendi li l-klijent tagħha għadu preżunt innoċenti u li kien hemm persuni li fuq akkużi simili ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Qalu għal diversi drabi li l-ħelsien jingħata b’kundizzjonijiet iebsa u li jekk dawn jinkisru hemm il-konsegwenzi.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca għada qed topponi għat-talba tad-difiża u dan mhux biss minħabba l-affidabilità tal-akkużat iżda wkoll il-biża li jaħrab minn Malta.

Id-difiża li qed tidher kemm għal Jordan Azzopardi kif ukoll għat-tfajla tiegħu li tinsab mixlijia b’reati simili, dejjem ikkontendiet li kull min jingħata l-‘bail’ jista’ jaħrab, allura b’dan l-argument messu ħadd ma jingħata l-ħelsien mill-arrest.

“Hawn persuni li saħansitra kienu akkużati b’reat aktar gravi minn ta’ Jordan Azzopardi u ngħataw il-libertà proviżorja isostni d-difiża, persuni li kienu akkużati li kellhom 80 u anke 100 kilo droga, u ngħataw il-libertà proviżorja” dejjem saħqet id-difiża.

Il-Qorti iżda għadha mhux konvinta li l-akkużat jista’ joqgħod u jobdi l-kundizzjonijiet li tista’ timponi fuqu l-Qorti u reġgħet ċaħditlu t-talba. L-Ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Nicholas Vella qegħdin imexxu il-Prosekuzzjoni mgħejuna mill-avukati Elaine Mercieca u Ann Marie Cutajar mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.