Lokali Qorti

Raġel jinżamm arrestat fuq allegat serqa fuq anzjan ta’ 95 sena

Raġel ta’ 46 sena mill-Imsida li l-kondotta tiegħu fiha xejn anqas minn 46 paġna ta’ reati baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li nhar il-Ħadd li għadda ħebb għal anzjan ta’ 95 sena u seraqlu €900.

James Demanuele ġie mixli wkoll li żamm lil anzjan kontra l-volontà tiegħu waqt li kkommetta r-reati bejn it-3.00pm u l-4.00pm. Ġie mixli wkoll li sar reċidiv.

Is-serqa seħħet fi Triq Qrejten il-Ħamrun u mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna li ġiet inkarigata tiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab.

James Demanuele nqabad minn filmati ta’ CCTV. Fil-post fejn kien qed joqgħod instabu wkoll il-ħwejjeġ li kien liebes waqt l-istess serqa. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bl-Avukat tiegħu Mark Mifsud Cutajar jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest..

Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għad baqa’ diversi xhieda pajżana li għad iridu jiddeponu fil-Qorti, inkluż l-anzjan kif ukoll raġel ieħor li ra l-akkużat jaħrab minn fuq ilx-xena tar-reat.

Il-Qorti, wara li semgħet iż-żewġ naħat jitrattaw fuq l-imsemmija talba ċaħdet din it-talba u ordnat li jibqa’ miżmum arrestat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Stephen Gulia u Jeffrey Scicluna.