Lokali Unjoni Ewropea

Sant jispiċċa Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-PE

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant spiċċa jmexxi d-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew wara li Miriam Dalli sabet postha fil-Parlament Malti.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista ħabbar dan l-iżvilupp wara l-approvazzjoni tal-Eżekuttiv Nazzjonali. Sant ilu fil-Parlament Ewropew mill-2014 u kien Kap tad-Delegazzjoni Laburista fl-ewwel leġislatura tiegħu, sal-2019.

Iżda għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, it-tmexxija Laburista mbuttat aktar lil Dalli, bil-pjan irnexxa sew tant li ġabet aktar voti mill-eks Mexxej Laburista u eventwalment, kienet hi li nħatret Kap tad-Delegazzjoni Laburista.

Fl-2003, Sant mexxa l-kampanja tal-Partit Laburista kontra s-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, sa minn sena biss wara, il-Partit immexxi minnu kien ikkontesta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma, eventwalment, Sant innifsu kien elett fl-2014.