Lokali Parlament

Tkunux kompliċi u uru li intom denji li sservu lill-poplu Malti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella lid-deputati u l-ministri tal-gvern Laburista biex ma jkunux kompliċi fil-korruzzjoni tal-power station tal-Electrogas u biex ikunu denji li jservu lill-poplu Malti billi jivvotaw favur li ssir inkjesta pubblika dwar dan il-każ.

Meta għalaq id-dibattitu parlametnari li tratta mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li tiskanta kemm il-PL sar negattiv meta kien jgħid li hu pożittiv iżda l-PL qed jitkellem bsis fuq il-passat biex inessi l-istorja riċenti.

L-arroganza li ħakmet lil numru ta’ deputati Laburisti tant hi kbira li qed jiġbdu s-saqajn iżda mhux se jitgħallem kif jisraq lill-poplu Malti biex jiggarantixxi self ta’ €300 miljun biex ikunu aġevolati negozjanti viċin il-PL.

Bernard Gerch qal li l-gvern qed jgħid li żamm il-wiegħda li jraħħas il-kontijiet u jnaqqas it-tniġġiż iżda ma wiegħdux ftehim ta’ serq ta’ €91 miljun fis-sena kif ma wiegħdux ftehim mimli ħmieġ. Veru naddfu ftit l-arja iżda l-ħmieġ mill-arja intefa’ fil-ftehim tal-bini tal-power station u l-operat tagħha. Dan hu ħażin.

Hu kompla li d-deputati Laburisti mhux jiddefendu dan il-ftehim maħmuġ għax m’għandhomx kuraġġ jiddefendu lil Konrad Mizzi. Għad hemm ħafna nies li għadhom ibatu.

L-Awditur Ġenerali ddikjara li dan il-ftehim fih ħafna affarijiet skorretti, inqatlet Daphne Caruana Galizia, Edward Scicluna qal li li ma kienx jaf affarijiet li kienu qed iseħħu u diversi ministri xehedu fil-qorti li ma jafu xejn u mhux se jitkellmu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern irid li kollox jibqa’ fil-moħbi għax jibża’ mill-verità u ma jappoġġax lill-PN f’talba għal inkjesta biex toħroġ il-verità. Il-gvern qed jipproponi li jinbidlu t-talbiet biex issir inkjesta kriminali għax jibża’ minn inkjesta fuq l-azzjonijiet politiċi tagħhom; qed jibqgħu jiddefendu l-ħmieġ li wettqu l-persuni li kellhom jirriżenjaw.

Bernard Grech qal li l-gvern mhux ixomm ir-riħa tal-korruzzjoni; lanqas il-Ministru Edward Scicluna mhu qed jiddefendi l-għoti tal-garanzija tat-€360 miljun. Il-gvern ma jridx li toħroġ il-verità kollha tal-kuntratti; il-PN irid li d-dokumenti kollha joħorġu meta issa hu magħruf il-kontenut ta’ ħafna emails li ħarġu fl-inkjesta tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-PN irid inkjesta pubblika li tinvestiga l-għoti tal-power station tal-Electrogas u l-ftehim jorbot għal 18-il sena; hemm allegazzjonijiet serji li jorbtu mal-qtil ta Daphne Caruana Galizia. Iridu jkomplu jaħbu, sostna Bernard Grech, li spjega kif l-Awditur Ġenerali ddikjara li jeżistu ħafna irregolaritajiet.

Il-gvern ma jridx li l-poplu Malti jiffranka €91 miljun fis-sena meta anki l-Awditur Ġenerali qal li nistgħu niffrankaw sa €10 miljuni jekk jintuża l-interconnector flok il-power station tal-Electrogas.

Fil-budget il-poplu kellu l-opportunità li jwieżen lill-poplu iżda l-gvern reġa’ ċaħad lill-poplu. Il-Prim Ministru jgħid li ma kien jaf xejn iżda fil-fatt kien il-konsulent ewlieni ta’ Joseph Muscat u kien jattendi l-laqgħat tal-Kabinet; jekk ma kien jaf b’xejn allura għandu jaqbel mal-inkjesta biex toħroġ il-verità.

Bernard Gerch qal l-inkjesta għandha teżamina l-proċessi amministrattivi u politiċi b’rabta mal-proġett tal-Electrogas u tidentifika l-abbużi u ksur tal-liġi li twettqu. L-inkjesta għandha tistabilixxi wkoll min huma l-persuni li wettqu u ffaċilitaw l-abbużi u wkoll jsiru r-rakkomandazzjonijiet li l-bord jidhirlu xierqa. Fuq dan ma nistgħux naqblu? staqsa Bernard Grech, li qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li linkjesta tibda fi żmien 15-il ġurnata.

Hu appella lill-gvern biex jiftiehem mal-Oppożizzjoni biex ikunu stabbiliti r-rapporti u żied li ħafna ministri xehdu fl-inkjesta pubblika, ddefendew lil Konrad Mizzi u lil Jospeh Muscat u waħħlu f’persuni oħra.

Illum għadkom iċ-ċans li tifdu lilkom innfuskom u jkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. L-istorja seħħet u għandkom l-aħħar opportunità biex ma tibqgħux kompliċi u turu li intom denji li sservu lill-poplu.

Il-Prim Ministru għandu jħalli lid-deputati jivvutaw kif iħossu; anzi għandu jħeiġġhom jagħmlu dan. Jekk isir dan, ikun hemm il-possibbiltà ta inkjesta li toħroġ il-verità kollha u ssir ġustizzja mal-poplu biex ikun jaf dak kollu li renxxielhom jagħmlu persuni biex jistgħanew, sostna Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għad hemm sħab il-gvern li qed igawdu kuljum minn dan il-ftehim maħmuġ. Stennejt li se jitkellem il-Prim Ministru iżda ma kellux il-kuraġġ jitkellem, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim ministru ħasel idejh u staħba. Hu qal li l-gvern qed jibqa’ jiddefendi lil Konard Mizzi u sostna li l-gevrn jista’ jraħħas il-kontijiet jekk dan il-ftehim ikun irranġat iżda l-Prim Ministru jrid ikompli jċaħħad lill-poplu mill-verità u mir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.