Coronavirus Lokali

Żewġ vittmi oħra fi ftit sigħat kawża tal-Coronavirus f’pajjiżna

Ir-raba’ mewta matul din il-ġimgħa kawża tal-Covid-19, hekk kif dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ żewġ anzjani oħrajn. Huma tilfu ħajjithom ilbieraħ filgħaxija, iżda tħabbru fi stqarrija mill-Ministeru tas-Saħħa dalgħodu.

L-ewwel każ hu ta’ anzjana ta’ 72 sena, li ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Settembru u ġiet ikkonfermata pożittiva għall-virus fil-5 ta’ Ottubru. Hi baqgħet tingħata l-kura sakemm tilfet ħajjitha lbieraħ.

It-tieni każ hu ta’ anzjan ta’ 82 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-virus fit-12 ta’ Ottubru. Hu ddaħħal l-Isptar Mater Dei l-għada u tlett ijiem wara kien trasferit għall-Isptar St Thomas. Ilbieraħ hu reġa’ kien trasferit lejn l-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament tilef ħajtu wara ftit sigħat.

Fl-istqarrija, filwaqt li wassal il-kondoljanzi lill-qraba ta’ dawn iż-żewġ vittmi, il-Ministeru tas-Saħħa reġa’ ddikjara li ż-żewġ anzjani kellhom “kundizzjonijiet ta’ saħħa oħrajn”. Dikjarazzjoni li qed tkun meqjusa minn ħafna bħala waħda insensittiva u mhux adatta fis-sitwazzjoni.

Dawn l-aħħar tnejn itellgħu l-ammont tal-vittmi għal 49 u jsegwu l-mewt ta’ mara oħra jumejn ilu u raġel ieħor ilbieraħ.