Tippersisti s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, billi jitkompla jiżdied il-piż fuq is-settur tas-saħħa fl-aħħar ħinijiet ikollna 121 każ ġdid. Infatti fil-bullettin mediku tal-lum, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-ammont ta’ persuni li jinsabu l-isptar kull ma jmur qed jiżdied.
L-ammont ta’ każijiet totali għal din it-33 ġimgħa tal-imxija fostna huwa ta’ 976. L-ammont totali ta’ każijiet attivi huwa dak ta’ 1,774 filwaqt li l-ammont ta’ każijiet minn Marzu ‘l hawn issa tela’ għal 5,475.
In-numru ta’ każijiet li fiequ minn din l-imxija huwa 3,599.
F’din il-ġimgħa kellna wkoll 4 fatalitajiet b’kawża ta’ dan il-virus, bl-ammont totali ta’ mwiet huwa 49.
Prof. Gauci qalet li fl-aħħar ġimgħa l-aktar li kien hemm infezzjonijiet kienet fost dawk li għandhom 25 sena u dawk li għandhom 34 sena.