Internazzjonali

Awstralja: Arresti b’konnessjoni mal-abbuż tat-tfal

Il-Pulizija tal-Awstralja arrestat talanqas 44 raġel madwar il-pajjiż fuq suspett ta’ pussess u ‘il-produzzjoni’ ta’ materjal relatat mal-abbuż tat-tfal.

Kelliema għall-Pulizija federali qalu li, grazzi għal dan il-proċess, talanqas sittax-il tifel u tifla, issa, ‘twarrbu mill-periklu’. Dan meta l-irġiel arrestati ( kollha bejn id-19 u l-57 sena) saru fl-Istati kollha tal-Awstralja.

L-arresti, fil-fatt, segwew investigazzjoni ta’ sena dwar l-iskambju, online, ta’ ritratti, filmati u materjal ieħor relatat ma’ dan l-abbuż. Intant, il-pulizija preżentaw total ta’ 350 akkuża relatati mal-pussess u produzzjoni ta’ materjal li jisfrutta lit-tfal bl-aktar mod degradanti u inaċċettabbli.

Fil-fatt, il-pulizija federali fissru l-materjal li qabdu bħala ‘l-aktar xokkanti u kundannabbli’ li huma qatt kellhom jikkonfrontaw. Dan meta investigazzjonijiet bħal dawn, is-soltu, jinvolvu ‘ġlieda mal-ħin’ biex it-tfal ma jispiċċawx vittmi ta’ network ta’ persuni mill-aktar perikolużi.

Mijiet ta’ pulizija u ‘speċjalisti’ oħra ikkollaboraw fl-azzjoni biex jinqabdu l-kriminali responsabbli, bl-arresti jsiru fl-Istati ta’ Victoria, Queensland, South Australia, New South Wales, Western Australia, Tasmania u l-Australian Capital Territory.