Internazzjonali

Covid-19: Curfew ta’ bil-lejl għal 46 miljuni fi Franza

Il-Gvern ta’ Franza qed jimplimenta curfew li, mil-lejla stess, għandu jirrestrinġi severament il-moviment ta’ żewġ-terzi (46 miljuni) taċ-ċittadini f’dan il-pajjiż. Il-curfew se jibqa’ effettiv għal sitt ġimgħat wara li l-pajjiż irreġistra 41,622 każ ġdid tal-Covid-19 għal ġurnata waħda.

It-total tal-infettati f’din il-pandemija issa għadda l-miljun fi Franza biss. L-uniċi pajjiżi l-oħra tal-Ewropa li laħqu din iċ-ċifra ta’ każi huma Spanja u r-Russja.

Madwar ġimgħa ilu, kienu introdotti l-curfews ta’ matul il-lejl f’Pariġi u fi tmien bliet oħra ta’ Franza. Intant, minn dan il-lejl, qed isiru effettivi l-curfews fi 38 zona oħra ta’ Franza u li se jkunu implimentati bejn id-disa’ ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu.

Sadanittant, il-miżura drastika qanqlet l-ilmenti tas-sidien tal-bars u r-ristoranti li n-negozji tagħhom baqgħu jbatu l-effetti tal-lockdown ta’ xahrejn (fl-istess pajjiż) li kien infurzat fir-rebbiegħa. Iżda l-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, enfasizza li ċ-ċirkulazzjoni tal-virus, illum, laħqet livell għoli ħafna fi Franza u li hi kalkulata ‘mal-251 infezzjoni għal kull 100,000 ruħ, fl-aħħar ġimgħa’.

Dan ifisser ukoll qabża ta’ 40 fil-mija fl-infezzjonijiet għal ġimgħa waħda — bir-rata tar-riproduzzjoni tal-virus qed titqies bħala 1.35.

Il-pajjiżi kollha tal-Ewropa qegħdin jirrappurtaw spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus. L-Italja, Spanja u l-Belġju huma fost il-pajjiżi li rappurtaw rati għojin u allarmanti tal-virus u meta ħafna mill-isptarijiet f’dawn il-pajjiżi jinsabu taħt pressjoni kbira.

Ir-reġjuni ta’ Lazio u Campania, fl-Italja, ukoll qed jibdew il-curfews ta’ bil-lejl. Dan qed isir mill-għada li kien daħal fis-seħħ curfew simili fil-Lombardija.

L-aħħar rapporti qalu li s-Slovakkja, minn għada, se timponi lockdown parzjali li jdum għal ġimgħa – u li jippermetti biss biex in-nies jivvjaġġaw għax-xogħol waqt li jixtru l-affarijiet essenzjali. Hu wkoll permess li t-tfal iż-żgħar fis-Slovakkja jattendu għal-lezzjonijiet fl-iskejjel.

Intant, qed ikunu nfurzati l-lockdowns ġodda ukoll fir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Irlanda.

Ir-Russja reġistrat qrib it-18,000 każ (rekord għal jum wieħed) tal-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa. Dan waqt li l-Polonja wkoll irreġistrat l-ogħla ċifra s’issa – 13,632 – għal ġurnata partikulari.

Il-Ġermanja reġistrat 11,424 każ fl-aħħar 24 siegħa, iżda hemm indikazzjonijiet li s-sitwazzjoni għadha taħt kontroll, bir-rata tal-produzzjoni tibqa’ ta’ 1.1.

Intant, il-Portugall impona lockdown għal tliet distretti tat-tramuntana u li qed jaffettwa lil 150,000 persuna.

Fl-istess perjodu, il-Greċja qed tiddikjara curfew ta’ bil-lejl f’Ateni u zoni oħra tal-pajjiż – b’din il-miżura se tibda tkun applikata bejn in-nofs-siegħa u l-ħamsa ta’ filgħodu.