Lokali Qorti

Ħames snin ħabs jitnaqqsu b’sentejn fuq serq peress li diġa skonta sentenza oħra


Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera naqqset sentenza ta’ ħames snin ħabs għal waħda ta’ tliet snin fil-konfront ta’ Stephen Borg ta’ 42 sena minn Birkirkara minħabba li huwa kien diġa skonta l-piena ta’ sentenza oħra.

Borg kien ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li fis-16 ta’ Marzu tal-2016 huwa wettaq diversi serqiet minn żewġ garraxxijiet fil-Mosta li jinkludui kaxxa tal-għodda, oġġetti elettroniċi u għasafar u oġġetti relatati magħhom minn garaxx fil-Mosta.


Huwa kien qed jiffaċċa 13-il akkuza fosthom li sar reċediv u kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti fuq każijiet oħra. Fuq każ minnhom iżda, li kkommetta delitt ta’ natura volontarja, punibbli bi priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ sentejn ħabs sospizi ghal erba’ moghtija mogħtija fl-4 ta’ Marzu 2015, huwa kien diġa skonta tali sentenza.

Il-Qorti tal-Appell qablet mas-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati kważi f’kull aspett fejn din qalet li minkejja li Borg ingħtata diversi ċansijiet mill-Qorti u li anke sar reċediv u nstab ħati wkoll li sgassa l-post fejn seraq u li kien kkommetta sgass.

L-ewwel Qorti kienet tenniet li huwa ċar li Borg qiesu ma jrid jitgħallem qatt. Huwa nstab ħati wkoll li li saq karozza bla liċenzja u polza tas-sigurtà. Il-każ inkwistjoni jirrelata ma’ żewġ kuntistabbli li kienu fuq ronda bejn in-Naxxar u l-Mosta, u lemħu karozza Volkswagen li kienet irrappurtata li qed tinstaq mingħajr licenzja.

Din kienet qed tiġi misjuqa minn Borg u miegħu kien hemm ċertu Antonella Vella. Peress li l-imputat kien magħruf mal-Pulizija u l-vettura kienet mimlija oggetti, l-Pulizija ddeċidew li jsegwuh.

Din instabet ipparkjata bl-addoċċ, miftuħa u biċ-ċavetta fl-ignition fit-triq fejn tgħix omm l-imputat. Fiha nstabu kaxxi kbar tal-aluminium, kaxxi tad-dvd’s, għodda, rota tat-tfal u oġġetti oħra.

Sid il-garaxx kien mar fil-garaxx tiegħu sabiex jiġbor xi oġġetti u sab il-katnazz u s-serratura mkissra u għadd ta’ tagħmir li kien hemm fil-garaxx nieqes. Fost l-affarijiet neqsin kien hemm gaġġa tal-għasafar, tagħmir tal-mużika, ‘compact disks’, speakers u ‘aluminium cases’ bid-diski fihom.

Minn garaxx ieħor huwa seraq driller u diversi għodod oħra li jinkludu ‘extension cable’, sett ‘weights’ u karozza tat-tfal Peg Perego. L-oġġetti kienu ġew ritornati lura, iżda kien hemm rota b’valur ta’ madwar €800 li baqgħet ma nstabitx.

Huwa nstab ħati b’kommissjoni ta’ delitt ta’ natura volontarja waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza u bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u fuq reat li għalih kien ġie kkundannat għall-piena ta’ sentejn priġunerija sospiżi għall-erba snin. Fuq l-aħħar akkuża kien hemm bidla fis-sentenza u għalhekk il-piena naqset b’sentejn.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat huwa reċidiv u l-fatt li naqas milli jużufruwixxi mill-opportunitajiet mogħtija lilu preċedentement minn diversi Qrati sabiex jirriforma ruħu u fiċ-ċirkostanzi, l-Qorti skwalifikatu wkoll milli jottjeni liċenzja tas-sewqan għal żmien 12-il xahar wara li huwa nstab ħati wkoll li saq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino.