Coronavirus Lokali Saħħa

“Is-sitwazzjoni MHIX taħt kontroll” – Tfajla bis-sintomi bint persuna pożittiva

"Minn madwar 6 numri li tawna, ħadd ma jwiġibna għal parir mediku fuq il-Coronavirus"

Tfajla ta’ 19-il sena li ilha jumejn tesperjenza sintomi tal-virus wara li missierha ttestja pożittiv għall-COVID-19 saħħqet li minn dak li esperjenzat, “is-sitwazzjoni mhix taħt kontroll”.

Minn madwar 5/6 numru li ngħataw biex iċemplu għall-parir mediku professjonali, dal-parir ma wasal qatt, anki jekk meta kienu jwieġbu, it-telefonata taqta’ ħesrem, kompliet it-tfajla li qed tesperjenza diversi sintomi, fosthom deni, griżmejn muġugħa u uġiegħ f’sidirha kultant.

Iżda l-Erbgħa fl-aħħar ingħatat parir minn fuq dawn in-numri, iżda dan kien li ċċempel l-emerġenza biex tmur l-isptar għall-eżami mediku.

Imma meta ċemplet 112, b’aggressività qalulha li qatt messet ċemplet, kontra għall-parir mediku li ngħatat fuq it-telefon.

U jidher li lanqas contact tracing ma sar b’rabta mal-fatt li missierha pożittiv, bil-familja tħossha li tħalliet għal riħha mill-awtoritajiet tas-saħħa tikkumbatti dan il-virus.