Coronavirus Lokali

L-aġir tal-Prim Ministru kundannat mill-Istitut tal- Ġurnalisti Maltin

L-IĠM huwa diżappuntat ferm għan-nuqqas totali ta’ rispett muri mill-Gvern lejn il-liġijiet ta’ Malta, lejn il-ġurnalisti, lejn il-pubbliku u lejn is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Fi stqarrija l-IĠM qalet li waqt attività li setgħet faċilment ġiet organizzata biż-żamma tad-distanzi soċjali, dan ġie għal kollox injorat mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu. Dan fi sfond ta’ ċifri li jaqbżu l-mitt persuna infettat bil-Covid-19 kuljum, ta’ sitwazzjoni prekarja fejn hemm l-eżerċizzju tal-contact tracing qed jaqa’ lura u ta’ ekonomija li qed tbati daqs il-persuni li qed iħaddmuha. Biex ma nsemmux iż-żieda qawwija fir-rata ta’ mwiet fl-aħħar ġimgħat.

Skont l-Avviz Legali: “it-tneħħija temporanja ta’ maskri tal-wiċċ għandha tkun permissibbli waqt taħdidiet uffiċjali fil-pubbliku iżda, fejn tinżamm distanza fiżika ta’ mill-inqas żewġ metri bejn l-individwi; iżda lezzjonijiet jew lekċers fi skejjel, universitajiet jew stabbilimenti oħra edukattivi ma għandhomx jiġu interpretati bħala taħdit uffiċjali fil-pubbliku.”

L-Istitu tal-Ġurnalisti Maltin qal li wieħed jista’ jara, mingħajr il-ħtieġa ta’ kejl, li f’din is-sitwazzjoni partikolari, din id-distanza ma nżammitx mill-Prim Ministru li għandu d-dmir li jagħti l-eżempju.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Istitut jesprimi solidarjetà ma’ kull ġurnalist. filwaqwt li jissimpatizza ma’ dawk li jħossu li fejn il-miżuri meħtieġa ma jistgħux jinżammu, il-ġurnalisti m’għandhomx jattendu. 

L-IĠM tappella lill-unions sabiex jieħdu nota ta’ din il-kwistjoni u jagħtu d-direttivi meħtieġa lill-membri, għall-ġid u s-saħħa tagħhom.