Lokali

“L-għanijiet huma kontra d-diskors tal-Prim Ministru”

Repubblika tressaq il-proposti bi tweġiba għall-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-policy li titratta r-razziżmu u l-xenofobija

“Naqblu mal-prinċipji preżentati iżda naħsbu li dawn imorru dijametrikament oppost għad-diskors u l-għemil tal-Gvern Malti, partikolarment il-Prim Ministru.”

Hekk stqarr il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, meta l-Ġimgħa filgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa t’Aragona li fiha ressaq il-proposti bi tweġiba għall-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-policy li titratta r-razziżmu u l-xenofobija.

Aquilina fakkar kif il-prattiċi tal-Gvern ta’ pushback minn aġenti li joperaw f’ismu illegalment u n-nuqqas t’għajnuna umanitarja lura f’April li għadda wassal għall-imwiet ta’ 12-il persuna – prattiċi li inkoraġixxew razziżmu kif ukoll lingwagg ta’ mibieghda fuq il-mezzi soċjali, filwaqt li ġġustifika il-ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem abbażi tal-kulur tal-ġilda.

Dan apparti l-politika tal-Gvern li jżomm l-immigranti f’detenzjoni fuq il-baħar, f’kundizzjonijiet inaċċettabli, inkluż in-nuqqas ta’ assistenza legali, li żgur ma jgħinux għall-integrazzjoni tagħhom.

Il-fatt li l-gvern lest li jilqa’ migranti minn ċerti partijiet tad-dinja iżda mhux lest isalva bendmin fil-baħar li jkunu ġejjin minn bnadi oħra tad-dinja juri li l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jikklassifika lil razez differenti u ma jagħmel xejn għajb lill-predeċessur tiegħu, b’Robert Aquilina jfakkar f’dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat, waqt dibatitu mal-Kap tal-PN fuq ix-xandir nazzjonali, li jippreferi jara barranin jagħmlu ċertu xogħlijiet bħal ġbir ta’ skart u xogħol fix-xemx.

Dan apparti illi jidher li ma tghallimna xejn mill-qtil razzjali ta’ Lassana Cisse.

Repubblika għalhekk insistiet li l-Gvern jaderixxi mal-obbligazzjonijiet internazzjonali, u l-glieda kontra l-hate speech.

“Jekk se nibqgħu f’dan il-pajjiż nibqgħu ninjoraw il-problema fl-isfera tar-razziżmu u l-xenofobija, ħa nispiċċaw nitfgħuh l-affarijiet taħt it-tapit u nħallu f’idejn ġenerazzjonijiet futuri biex isolvuha. Għandna nindirizzaw il-problema b’mod immedjat u niftakru li jekk f’pajjiżna se neskludu lil dawn il-persuni, din mhix problema għalihom biss iżda għas-soċjetà kollha.”

Fi tmiem il-konferenza, Robert Aquilina daħal jippreżenta il-prosposti tas-soċjetà ċivili lis-Segretarju Parlamentari, Rosianne Cutajar, bit-tama li din toffri l-ideat u r-reazzjoni tagħha għall-proposti mressqa minn Repubblika.