Internazzjonali

Libja: Iffirmat ftehim permanenti għall-waqfien mill-ġlied

Iż-żewġ gruppi rivali tal-Libja ffirmaw ‘ftehim permanenti’ għall-waqfien mill-ġlied wara ħamest ijiem ta’ taħditiet sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li l-Libja tirritorna mill-aktar fis lejn il-paċi u l-istabbilità.

Fil-fatt, in-Nazzjonijiet Uniti fissret it-taħditiet li saru f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera) bħala storiċi u li jistgħu jiftħu kapitlu ġdid għall-pajjiż Afrikan li ilu mill-2011 iġarrab il-konsegwenzi  tal-konflitt ċivili li kien ġab fi tmiem ir-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

In-NU qalet li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied permanenti qed jidħol fis-seħħ b’mod immedjat, waqt li Stephanie Williams, ir-Rappreżentant tan-NU għal-Libja, qalet li ‘dan il-mument storiku qed jirrifletti passi konkreti tan-naħat Libjani biex itemmu t-tbatija tal-poplu tagħhom.’

Williams, bħala l-Kap tal-UN Support Mission in Libya (UNSMIL) kompliet li t-triq lejn dan it-tragward kien diffiċli ħafna u li ‘wieħed jawgura li l-patt iffirmat jippermetti biex ir-refuġjati fil-Libja u ‘il hinn minnha jirritornaw lura d-dar u jgħixu l-kumplament ta’ ħajjithom fil-paċi u s-sigurtà’.

Fl-aħħar snin, numru ta’ milizji u entitajiet politiċi kienu qed jissieltu bejniethom għall-poter fil-Libja. Dan fost sensiela ta’ abbużi lid-drittijiet umani fil-pajjiż, bit-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw is-sitwazzjoni biex jorganizzaw il-vjaġġi illegali għall-immigranti ddisprati li jridu jaslu l-Ewropa.

Il-kapitali Libjana, Tripli, hi kontrollata mill-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali, li hu appoġġjat min-NU. Intant, hemm ukoll Parlament rivali – ibbażat f’Tobruk – li hu appoġġjat mill-qawwiet tal-kmandant militari Libjan, Khalifa Haftar.

Haftar, f’April tal-2019, kien beda offensiva – li damet aktar minn sena — fuq Tripli. Iżda l-qawwiet tiegħu waqgħu lura, fl-aħħar xhur, wara li t-truppi tal-Gvern għall-Ftehim Nazzjonali rnexxielhom jirreżistu l-attakki, grazzi għall-għajnuna kruċjali mit-Turkija.