Internazzjonali

Niġerja: Is-sitwazzjoni f’Lagos tikkwieta, iżda ma naqsitx il-klima tal-biża

Grupp ewlieni li kien strumentali fl-organizzazzjoni tal-protesti kontra l-brutalità tal-pulizija Niġerjana, fl-aħħar sigħat, ħeġġeġ biex in-nies jibqgħu f’darhom u ma joħorġux fit-toroq.

Il-protesti ilhom ibaqbqu fin-Niġerja għal dawn l-aħħar ġimgħatejn u l-grupp ‘Feminist Coalition’ – filwaqt li ħareġ b’dan il-messaġġ – wissa wkoll biex in-nies ‘jobdu u jirrispettaw’ il-curfews li qed ikunu implimentati fl-Istati rispettivi tal-pajjiż.

Sadanittant, it-toroq ta’ Lagos – l-akbar belt tan-Niġerja – dehru kwieti fl-aħħar sigħat, iżda hemmhekk irrenjat xorta ‘klima u atmosfera ta’ biża’.

Il-belt ta’ Lagos, f’dawn il-jiem, kienet l-aktar zona taħraq tal-protesti fil-pajjiż.

Intant, il-President Niġerjan, Muhammadu Buhari, waqt diskors fuq it-televiżjoni, sejjaħ għat-tmiem tad-dimostrazzjonijiet wara jumejn ta’ vjolenza fejn il-folol  taw in-nar lill-bini, attakkaw il-kumplessi ta’ ħabs u serqu mill-kumplessi kummerċjali f’Lagos u bnadi oħra.

L-inċidenti segwew l-isparaturi tat-Tlieta mill-qawwiet tas-sigurtà fuq id-dimostranti f’Lagos – u meta l-grupp Amnesty International sostna li, fl-isparaturi, inqatlu talanqas 12-il persuna. Kelliema għall-Armata tan-Niġerja, fl-istess ħin, baqgħu jiċħdu s-sehem tal-militar fid-dmija.

Il-protesti kienu bdew fis-7 ta’ Ottubru, fejn folol kbar ta’ Niġerjani, fil-parti kbira żgħażagħ, insistew għax-xoljiment ta’ taqsima tal-pulizija speċjali magħrufa bħala s-Special Anti-Robbery Squad (Sars).

U filwaqt li l-President Buhari qal li din l-iskwadra, illum, ‘mgħadhiex teżisti’, il-protesti xorta komplew fl-aħħar jiem u meta n-nies, issa, qed jinsistu bid-domandi għal riformi akbar fil-mod kif qed titmexxa n-Niġerja.