Lokali

Robert Abela jibqa’ jsabbat saqajh

Il-Gvern qed jibqa’ jsabbat saqajh u ma jridx li ssir inkjesta pubblika dwar il-ftehim kontroversjali mal-konsozju ElectroGas.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mad-Deputati Laburisti l-Ħamis ivvotaw kontra l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ssir inkjesta pubblika fuq id-deal tal-power station tal-gass. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jinsisti illi issa huwa ċar li Robert Abela u l-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Laburista jridu jkomplu jaħbu l-verità.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali stess kien qal li l-Gvern kien falla f’dan id-deal… iżda Robert Abela għandu fehema differenti.

Kien il-Prim Ministru stess li qal li l-Awditur Ġenerali diġà għamel investigazzjoni fuq dan id-deal tal-Electrogas – rapport li kien tlesta sentejn ilu. Biex igib skuza li bhal donnu mhemmx bzonn issir inkjesta separata.

…investigazzjoni li fil-verita’ ikkundannat dan id-deal… fejn pajjiżna qed iħallas 10 miljun ewro iktar fis-sena u qed jixtri l-enerġija bi prezz ħafna iktar għoli.

Skont l-Awditur Generali, il-garanzija li ngħatat mill-Gvern fuq is-self għal dan il-ftehim kienet meqjusa bħala irregolari u ta’ riskju sinifikanti. Kieku pajjiżna baqa’ jixtri l-energija mill-Interconnecter, il-prezz tal- elettriku li jinxtara mill-Enemalta kien ikun 64% irħas. Apparti dan, dan il-ftehim kellu nuqqasijiet fejn jidhol il-process ta’ due diligence.

L-NAO sab ukoll li f’dan id-deal kien hemm imdaħħal Brian Tonna ta’ Nexia BT… il-persuna li fetħet kontijiet sigrieti fil-Panama għall-eks Ministru Koknrad Mizzi u għall-Eks Chief of Stuff Keith Schembri, u li prezentament ghandu l-assi tieghu iffrizati b’ordni tal-Qorti.