Internazzjonali

Trump-Biden, l-aħħar dibattitu: Jindirizzaw il-klima, ir-razziżmu u l-Covid-19

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku li qed jisfida għall-White House, kellhom konfront jaħraq ieħor relatat mal-kampanja elettorali, fejn trattaw l-issues delikati għall-pajjiż waqt l-aħħar dibattitu ‘live’ fuq it-televiżjoni li sar f’Nashville, fl-Istat ta’ Tennessee.

Id-differenzi ta’ politika ma setgħux ikunu akbar – b’Joe Biden ma jeskludix aktar lockdowns relatati mal-kriżi tal-Covid-19 (f’każ li jilħaq President), bil-President Trump jinsisti li, issa, wasal iż-żmien ‘biex l-Istati Uniti terġa’ tiftaħ għax-xogħol’.

Il-President sostna li ‘hu ħażin li l-ekonomija tkompli tegħreq minħabba marda li ħafna nies ifiqu minnha’ waqt li Biden waħħal f’Donald Trump ‘għall-220,000 mewta fil-pajjiż b’konsegwenza tal-pandemija’. Il-President Amerikan tenna li ‘il-poplu Amerikan qed jitgħallem jgħix bis-sitwazzjoni tal-Covid-19’, b’Joe Biden iwieġeb li ‘kulmin hu responsabbli għal daqstant imwiet ( mill-coronavirus) mgħandux jibqa’ Mexxej tal-Istati Uniti.’

Il-battibekki komplew anki fuq aspetti oħra – bi Trump isostni ( mingħajr ma ressaq il-provi konkreti) li Biden iggwadanja personalment min-negozju ‘dubbjuż’ ta’ ibnu fiċ-Ċina. Iżda filwaqt li Trump ċaħad li hu razzist, Joe Biden wieġeb li ‘Donald Trump hu fost l-aktar Presidenti razzisti li qatt kellha l-Istati Uniti fi żmenijiet moderni’.

Il-kandidati rivali trattaw ukoll il-klima, b’Joe Biden ifisser il-climate change bħala ‘theddida għall-eżistenza tal-bniedem’ – minbarra li kkundanna lil Trump talli neħħa r-restrizzjonijiet għal proġetti li jżidu t-tniġġiż tal-ajru.Il-President Trump, iżda, iddefenda d-deċiżjoni tiegħu biex jirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima u insista li ‘ma kellux ħsieb li jissagrifika għexieren ta’ miljuni ta’ impjiegi u eluf ta’ kumpanniji’ għal dan il-ftehim.

Joe Biden għandu vantaġġ sod fuq Trump skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni – u meta fadal għaxart ijiem biss għall-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana.

Madankollu, hemm numru ta’ Stati kruċjali, magħrufin bħala ‘Swing States’ li jistgħu jkunu deċiżivi għar-riżultat finali – u li ‘il quddiem, anki kapaċi jagħtu konferma għat-tieni mandat ta’ Trump. S’issa ‘il fuq minn 47 miljun Amerikan ivvutaw fil-fażi bikrija tal-elezzjoni, meta hemm total ta’ madwar 230 miljun votant eliġibbli.