Futbol Sport

Draw diżappuntanti bejn Manchester United u Chelsea

(Ritratt: EPA)

Ikompli l-istaġun diżappuntanti ta’ Manchester United u Chelsea hekk kif temmew fi draw ta’ mingħajr gowls f’partita nieqsa minn azzjonijiet perikolużi. Il-gowlkiper ta’ Chelsea Edouard kien strumentali lejn it-tmiem meta dawwar f’corner il-konklużjoni mid-distanza ta’ Marcus Rashford.


Manchester City komplew fuq il-bidu ħażin li kellhom f’dan l-istaġun meta fil-London Stadium kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn West Ham United. Kien it-tim ta’ David Moyes li fetaħ l-iskor wara biss 18-il minuta meta minn cross fuq il-lemin ta’ Coufal, ANTONIO kkonkluda b’xutt fuq id-dawra għal wara Ederson. Fil-51 minuta s-sostitut PHIL FODEN ġab id-draw għal Manchester City.
Lejn it-tmiem it-tim ta’ Pep Guardiola ħoloq numru ta’ opportunitajiet ta’ skor fejn fis-86 minuta Sterling ra l-konklużjoni tiegħu tkun salvata minn Fabianski f’dak li deher gowl ċert. Fil-ħin adizzjonali, Phil Foden għal darb’oħra ra l-gowlkiper Pollakk isalva t-tentattiv tiegħu.
Fi Craven Cottage, Fulham sofrew telfa oħra f’dak li jidher se jkun staġun diffiċli għat-tim imexxi minn Scott Parker. JAIRO RIEDEWALD fetaħ l-iskor għal Crystal Palace wara biss tmien minuti. Fulham resqu viċin il-gowl tad-draw fis-26 minuta meta Ademola Lookman ra l-konklużjoni tiegħu taħbat mal-lasta. WILFRED ZAHA rdoppja fl-64 minuta meta kkonkluda minn pass ta’ Batshuayi. Fulham temmew il-partita b’għaxar plejers wara li Kamara ntwera’ l-karta l-ħamra għal daħla kerha fuq Eze. Fulham skorja il-gowl ta’ konsulazzjoni fil-95 minuta b’xutt mid-distanza ta’ TOM CAIRNEY.