Futbol Sport

Fgura jiksbu punt b’għaxar plejers

Chris Cassar

FGURA U. …………………….. 2

MQABBA ……………………… 2

Fgura U: B. Bartolo, J. Stenson, J. Barbara, J.P. Attard, D. Quintero, S. Nanapere, C. Gandini, J. Vella, S. Borg, N. Ojuola, G. Galea.

Mqabba: J. Grech, N. Falzon, G. Mannino, R. Cauchi, J. Castano, Y. Tonna, K. Cutajar, R. Spiteri, K. Borg, G. Bugeja, G. Micallef.

Referee: Trustin Farrugia Cann

Fgura u Mqabba kkonfermaw li huma tnejn mill-aħjar timijiet f’dan il-kampjonat meta offrew logħba ferm eċċitanti u ta’ livell għoli ta’ futbol. Ir-riżultat hu wieħed ġust għaliex ħadd ma kien jixraqlu li joħroġ b’idejh vojta. Ovvjament Fgura għandhom għax ikunu iktar sodisfatti meta lagħbu għal siegħa sħiħa bi plejer inqas.

Bidu mill-aqwa għal Fgura fejn fir-raba’ minuta Nanapere twaqqa’ fil-kaxxa u mill-ħdax-il metru Giovanni Galea ma żbaljax. Minkejja din il-ħasda Mqabba kellhom reazzjoni tajba u resqu qrib b’xuttijiet ta’ Spiteri u Castano.It-taqsima kienet mill-iktar interessanti u fis-36 minuta daqqa ta’ ħarta għal Fgura meta Quintero dabbar it-tieni karta safra. 

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Mqabba kisbu l-gowl tad-draw b’daqqa ta’ ras sabiħa ta’ Castano.Wara dan il-gowl Mqabba baqgħu jattakkaw iżda fis-70 minuta kien il-goalkeeper ta’ Mqabba Grech li salva fuq xutt ta’ Nanapere u mill-istess korner kien Shawn Borg li skorja b’daqqa ta’ ras. Minn hawn ‘l quddiem Mqabba xeħtu kollox fl-attakk u kienu ppremjati tliet minuti mit-tmiem meta s-sostitut Ryan Cutajar spara fix-xibka wara li Castano niżżillu tajjeb il-ballun.