Lokali

Ġermaniża fil-periklu tal-mewt wara waqgħa ta’ 3 sulari f’Għawdex

Ġermaniża tinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqgħet minn gallarija ta’ appartament fil-Munxar, Għawdex.

Il-każ seħħ fis-siegħa tas-Sibt filgħodu fi Triq il-Qsajjem meta għal xi raġuni mhux magħrufa l-mara ta’ 53 sena waqgħet minn ġallarija li tinsab fit-tielet sular.

Fil-post ġew msejħa uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku tal-ambulanzi li ħa lill-mara l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura fejn ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.