Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Il-fatalitajiet fl-Ewropa jaqbżu l-270,000

Miżuri ġodda proposti fl-Italja jinkludu l-għeluq tal-istabbilimenti kollha tal-catering fis-6pm u li ħadd ma jitħalla fil-pjazez wara d-9pm

Il-President Franċiż Emmanuel Macron jemmen li l-pandemija se ddum magħna sas-Sajf – dikjarazzjoni li saret fl-istess jum li fih il-Franċiżi raw 40,000 każ ġdid ta’ Covid-19 u madwar 300 vittma.

Numri għoljin qed jidhru wkoll f’partijiet oħrajn tal-Ewropa, fosthom fir-Russja, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tghid li din it-tieni mewġa fl-Ewropa tindika mument kritiku fil-ġlieda konta l-Coronavirus.

Fl-Italja, is-Sibt kienu rreġistrati aktar minn 19,000 każ ġdid f’24 siegħa, għal total ta’ kważi 485,000, biex il-Ministru tas-Saħħa Taljan Roberto Speranza sejjaħ għal taħdidiet mal-esperti mediċi. Fost il-miżuri restrittivi proposti li jikkontrollaw l-imxija, hemm l-għeluq tal-istabbilimenti tal-catering fis-6pm u li ħadd ma jitħalla jinġemgħa fil-pjazez wara d-9pm

F’ġurnata rekord ta’ 13,600 każ ġdid fil-Polonja, fosthom il-President Pollakk Andrzej Duda, il-pajjiż issa daħal fiż-żona ħamra ta’ lockdown, fosthom l-għeluq tal-iskejjel primarji u r-ristoranti.

U fir-Repubblika Ċeka, il-Ġimgħa tħabbru aktar minn 15,200 każ ġdid, l-ogħla żieda f’ġurnata mill-bidu tal-pandemija, hekk kif il-pajjiż qed jesperjenza l-aktar rata mgħaġġla ta’ trażmissjoni fil-kontinent Ewropew,  b’esperti internazzjonali qed jistennew li dawn il-pajjiżi jieħdu miżuri immedjati qabel ma s-sitwazzjoni taħrab mill-kontroll.

Anke l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, f’messaġġ lin-nazzjon, appellat għall-anqas vjaġġar possibbli, partikolarment f’reġjuni magħrufa għall-iskiing mal-fruntiera tal-Awstrija u l-Isvizzera, kif ukoll li jixxejjen kemm jista’ jkun kwalunkwe kuntatt soċjali mhux meħtieġ.

Il-maġġoranza tar-reġjuni Spanjoli, fosthom Valencia u r-reġjun Bask, appellaw lill-Gvern Ċentrali biex idaħħal miżuri, fosthom l-introduzzjoni ta’ Stat ta’ Emerġenza, b’curfews madwar il-pajjiż u b’limitazzjoni ta’ kemm in-nies għandhom jivvjaġġaw. Dan hekk kif it-total ta’ każi fi Spanja l-Ġimgħa telgħu għal ftit anqas minn 1,050,000 persuna, filwaqt li l-vittmi qed joqorbu t-38,000.

Fl-aħħar għaxart ijiem fl-Ewropa, l-infezzjonijiet irduppjaw, bin-numru globali ta’ fatalitajiet fil-kontinent ilaħħaq il-274,000 persuna u b’hekk qabeż lill-Amerka ta’ Isfel.

Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat rekord ta’ każi ġodda fl-Istati Uniti wkoll, hekk kif f’jum wieħed biss dawn qabżu t-83,000. U fl-Asja, l-infezzjonijiet qabżu l-10 miljuni, it-tieni l-ogħla b’mod globali, hekk kif il-każi qed jippersistu wkoll f’pajjiżi bħall-Indja.