Ambjent Budget 2021 Lokali Transport

Il-Ministru tal-Ambjent jikkonferma li l-iskart organiku ilu sentejn jintrema’ fil-miżbla

Jiem wara li l-Gvern Laburista ppreżenta Budget li jitkellem dwar Green Economy, NET News kellu l-opportunità jistaqsi lill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia dwar temi marbutin ma’ dan is-settur.

Hekk kif issa l-familji Maltin u Għawdxin adattaw għall-ġbir tal-iskart organiku u ilhom aktar minn sentejn jisseparawh mill-iskart l-ieħor, Aaron Farrugia qalilna li dan bażikament qed isir għalxejn.

“L-ORGANIKU GĦANDU RIŻORSA. SAL-LUM IL-ĠURNATA M’UŻAJNIHIEX. …BĦALISSA QED JIĠI LANDFILLED”

Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar, l-isforzi kollha biex il-familji jisseparaw l-iskart organiku f’dawn is-senten kien ħela ta’ ħin.

Suppost, l-għan tal-ġbir tal-iskart organiku sseparat hu li dan ikun jista’ jintuża’ bħala compost. Iżda l-Ministru tal-Ambjent ikkonferma magħna li s’issa, dan kollu ntrema fil-miżbla.

Sadanittant, staqsejna wkoll lil Aaron Farrugia x’sar mis-siġar li nqalgħu minn diversi bnadi madwar Malta u li l-Gvern kien qal li kellhom jerġgħu jinżeraw x’imkien ieħor … iżda l-Ministru tal-Ambjent ma jafx fejn spiċċaw dawn is-siġar.

“NUMRI M’GĦANDIX DWAR DAK LI QED TITLOBNI. OVVJAMENT INTUHOMLOK JEKK IKUN HEMM BŻONN

… bil-Ministru mbagħad jispjega li minflok siġar li kienu ilhom hemm l-għexieren tas-snin, l-ERA kienet qed titlob li jinżeraw siġar ġodda.

Mistoqsija oħra li għamilna lil Aaron Farrugia kienet dwar dak li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna t-Tnejn li għadda, meta fil-Budget kien qed jitkellem dwar proġett ġdid ta’ trasport tal-massa.

Staqsejna lill-Ministru x’tip ta’ trasport se jkun qed iniedi l-Gvern, kemm se jdum biex jitlesta,  u kemm se jiswa biex isir u biex jintuża’.

“DAN HUWA PROĠETT LI QED JIEĦU ĦSIEB IL-MINISTRU IAN BORG.  JAQA’ TAĦT IL-MINISTERU TAT-TRASPORT. JIENA QED INSEGWI KIF QED ISEGWU L-FAMILJI MALTIN U GĦWAWDIN. QIEGĦED FIT-TIENI STADJU. NITOLBOK TINDIRIZZA DIN IL-MISTQOSIJA LILL-MINISTRU IAN BORG“.

Evidenti li l-Ministru tal-Ambjent m’għandux idea jekk dan il-proġett tat-trasport tal-massa li għadu kif tħabbar fil-budget…u li issa, skont hu… jinsab fit-tieni fażi tal-istudji tiegħu…  hux se jkun underground, trams, ferrovija jew ajurplan.