Lokali Mużika

Janice Mangion lura fix-Xena tal-Mużika Lokali

Isem sinonimu mal-użu tal-ilsien Malti fil-kanzunetta huwa dak ta’ Janice Mangion li wara s-suċċess tagħha bil-kanzunetta Kewkba fil-Malta Eurovision Song Contest 2017 nediet tal-anqas kanzunetta oriġinali bil-Malti kull sena.

L-aħħar waħda, Għadu Mhux il-Waqt kienet finalista fit-43 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu. Għal prestazzjoni ta’ din il-kanzunetta, Janice rebħet it-titlu tal-Aqwa Interpretazzjoni, apparti li telgħet fil-quċċata tal-klassifika tal-iTunes għal darb’oħra.

14-il xahar wara dik l-esperjenza, wara diversi xhur ta’ ħidma fl-istudjo, kif ukoll xi postponimenti minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Janice Mangion tniedi l-kanzunetta Sajjetta fil-Bnazzi li tagħha hija kitbet il-lirika, b’Mark Scicluna u Cyprian Cassar risponsabbli għall-mużika u l-produzzjoni. Il-messaġġ ta’ din il-kanzunetta huwa wieħed li kulħadd faċli jirrelata miegħu għaliex il-ħajja jaf tkun miexja ħarir, u f’sekonda, kollox idur ta’ taħt fuq.

“Din il-kanzunetta ktibta proprju f’dawn iż-żminijiet daqstant diffiċli, meta irrealizzajt kemm fil-ħajja ċerti affarijiet jinqalgħu mingħajr ma wieħed ikun qiegħed jistennihom.

Għalhekk it-titlu, Sajjetta fil-Bnazzi. Irridu nitgħalmu napprezza aktar il-ħajja u n-nies li aħna mdawrin bihom għax malajr iqum rifnu u jtajjar kollox. B’mod ċar għall-aħħar, din il-pandemija urietna li mis-sema l-isfel kulħadd l-istess”, tgħid Janice Mangion.

Għalkemm is-sena 2020 ġiet b’diversi limitazzjonijiet, Janice żammet ruħa attiva matul dawn l-aħħar ftit xhur, billi pparteċipat fil-kanzunetta Anġli Moħbija ma’ diversi artisti oħra bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-pandemija, f’kunċert nazzjonali li sar b’mod virtwali fejn interpretat il-kanzunetta Kewkba flimkien mal-kompożitur tal-istess kanzunetta li daqq il-pjanu kif ukoll rat li l-materjal kollu li nediet ġie ppubblikat f’kumpilazzjoni diġitali.

Sajjetta fil-Bnazzi issa hija parti minn din is-sena wkoll, u l-viżwal li ħa jgħin il-promozzjoni ġie maħluq minn Far Out Visuals. Il-kanzunetta ġie ppubblikata b’mod uffiċċjali llum it-23 ta’ Ottubru. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr s-sapport ta’ diversi entitajiet fosthom: Monsoon Malta, X Cells Beauty Therapy & Make-Up, Golden Curls Salon, Salini Resort,Alistair Floral Design, ICAM, Ironic PR & Artist Management u CAP-Sounds.