Il-Gvern Malti qed jeħodha wisq bil-mod u minħabba fih, Malta tinsab lura ferm f’dak li hu l-livell meħtieġ mill-Unjoni Ewropea fejn tidħol enerġija rinnovabbli.
Il-mira tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi membri kienet li 20% tal-enerġija kollha tal-Ewropa tkun enerġija rinnovabbli – jew enerġija nadifa – sal-aħħar tal-2020.
Eżempji ta’ din l-enerġija huma l-enerġija solari mix-xemx u l-enerġija mir-riħ, bħal dik li tiġi ġġenerata fil-windfarms.
Il-medja tal-pajjiżi Ewropej f’dik li hi enerġija nadifa hi ta’ 18%. F’Malta tlaħħaq biss ftit anqas minn 8%.
Madankollu, il-Budget ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna naqas milli jżid l-istimolu biex il-poplu Malti jinvesti f’enerġija rinnovabbli, għajr għall-ħruġ mill-ġdid ta’ skemi li ilhom hemm l-għexieren tas-snin.
Il-Gvern ħabbar li kien se jkun qed joħroġ green bonds, madankollu ma elaborax fejn se jkunu qed imorru dawn il-fondi.
Edward Scicluna semma’ li minn dawn il-green bonds se jkun qed jinbena impjant li jipproċessa l-iskart organiku, biex meta jinbena u jitlesta dan l-impjant, li għadu fi stadju ta’ ppjanar, ikun jista’ jibda jiġi pproċessat l-iskart organiku li jinġabar mill-familji Maltin u Għawdxin.
Dan tħabbar sentejn wara li bdiet l-iskema “Sort it out”, fejn il-familji ntalbu jisseparaw l-organiku mill-iskart domestiku l-ieħor, iżda s’issa dan l-iskart qed jispiċċa fil-miżbla xorta waħda.
//= $special ?>