Coronavirus Lokali Saħħa

“L-istampa għax-Xitwa mhijiex sabiħa” – Tanya Melillo

It-Tabiba Tanya Melillo, esperta fis-saħħa pubblika, f’intervent li għamlet fuq il-programm Net Live qalet li x-xejra ta’ żieda fin-numru ta’ persuni infettati hi waħda inkewtanti. Hekk qalet .

“IL-KAŻIJIET QED IŻIDU. DIN IL-ĠIMGĦA KELNA KWAŻI ELF KAŻ ĠDID. IL-VIRUS QED JINFIREX KULLIMKIEN.”

Tanya Melillo spjegat li qed isir ħafna tixrid tal-virus fi ħdan il-familji u fil-postijiet tax-xogħol.

Robert Cremona staqsa lit-Tabiba jekk l-ilbies tal-maskri hux se jgħin fit-trażżin tat-tifrix tal-virus, bit-Tabiba tgħid li fi żmien ġimgħatejn għandna nibdew naraw l-effetti pożittivi tal-ilbies tal-maskri. Madankollu, saħqet li għad hemm ħafna persuni li qed joħorġu anke meta għandhom is-sintomi tal-virus.

“JEKK INTI GĦANDEK SINTOMI LI JISTGĦU IKUN TAL-COVID, MA TRIDX TMUR XOGĦOL JEW SKOLA GĦAX B’HEKK QED JINIFIREX IL-VIRUS, GĦAX NIES B’SINTOMI QED IMORRU GĦAX-XOGĦOL U NIES LI JKUNU MAGĦHOM FL-UFFIĊJU QED JISPIĊĊA JKOLLU L-MARDA WKOLL

Tanya Melillo spjegat li bħalissa diffiċli li wieħed jagħraf jekk ċerti sintomi humiex tal-virus inkella tal-influwenza jew mard ieħor. Għaldaqstant, wieħed għandu jieħu l-prekawzjonijet kollha u joqgħod id-dar jekk iħoss xi sintomi u anke jċempel il-111 jekk is-sintomi jippersistu.

“IN-NIES QED IMORRU X-XOGĦOL BIS-SINTOMI, IMBAGĦAD INĊEMPLULHOM U NGĦIDULHOM LI HUMA POŻITTIVI U JGĦIDULNA JIEN QIEGĦED IX-XOGĦOL”

Spjegat ukoll kif issa qed naraw li l-età medja ta’ dawk li qed jimirdu bil-virus reġgħet nieżla ‘l isfel.

“L-ETÀ TAL-PAZJENTI ISSA QED NARAW LI NIŻLET TAĦT IL-50 SENA. ANKE TFAL QED NARAW L-ISPTAR. DIN MHIX MARDA TAL-ANZJANI BISS

It-Tabiba wissiet li hekk kif tidħol aktar ix-xitwa, qed nistennew li l-Isptarijiet jitgħabbew b’ħafna aktar pazjenti.

“S’ISSA L-ISTAMPA MHUX QED TIDHER SABIĦA U L-ISPTAR SE JKUN MIMLI B’ĦAFNA PAZJENTI

Tanya Melillo għalqet b’appell.

“L-APPELL TIEGĦI HU LI RRIDU NPOĠĠU L-INTERESS TAL-PAJJIŻ U S-SAĦĦA TA’ KULĦADD L-EWWEL U QABEL KOLLOX. NEVITAW LI NILTAQGĦU MAN-NIES U JEKK SE NILTAQGĦU INŻOMMU DISTANZA TA’ ŻEWĠ METRI, NILBSU L-MASKRA U NAĦSLU JDEJNA TA’ SPISS ĦAFNA

Fl-aħħar tmint ijiem, pajjiżna rreġistra aktar minn 1,000 każ ġdid, filwaqt li ħames persuni tilfu ħajjithom kawża tal-Covid-19.