Lokali

Raġel arrestat wara li wettaq atti vandali fuq diversi bus stops

Eritrean ġie arrestat u jinsab miżmum fil-lock up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana, b’rabta ma’ numru ta’ attivi ta’ vandaliżmu fuq bus stops madwar il-pajjiż.

Il-każ seħħ fis-sagħtejn tas-Sibt filgħodu meta l-Pulizija daħlilhom rapport li kien hemm raġel ikisser bus stop fi Triq Dun Karm f’Birkirkara. Minnufih l-uffiċjali marru fuq il-post fejn ma sabux ir-raġel, iżda t-tifrik li ħalla warajh il-barrani.

Sussegwentament, wara tfittxija li saret mill-Pulizija, ir-raġel ta’ 31 sena nstab filwaqt li fil-pussess tiegħu kellu wkoll ħadida twila u biċċiet tal-ħġieġ.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li tul dan ix-xahar, l-istess raġel allegatament ivvandalizza xejn inqas minn 13-il bus stop madwar Malta; fil-Marsa, Ħal Luqa, Marsaskala, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar, BUrmarrad, Mellieħa, Ċirkewwa u l-Ħamrun – bil-ħsarat ilaħqu l-valur ta’ aktar minn €15,000.