Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq ammissjoni ta’ vjolenza domestika

Sqalli ta’ 37 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li kkaġuna feriti ħfief fuq is-sieħba tiegħu u li ssekwestra lil uliedu li huma wkoll ulied il-vittma.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke Carmelo Francesco Anastasio minn Catania u residenti Marsascala ammetta li nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tas-6.30pm. ikkaġuna feriti ħfief fuq il-mara li spiċċat għall-kura l-Isptar Mater Dei.

Fil-Qorti huwa ammetta wkoll li ssekwestra lil omm it-tfal tieghu kontra l-volontà tagħha u li għamel ħsara fuq il-mobajl tagħha liema ħsara hija ta’ anqas minn €2,500 .

Ir-raġel stqarr wkoll li nsulenta, hedded u inġurja bi kliem jew b’mod ieħor lill-vittma u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Il-Qorti qieset il-fatt li l-ħati ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, l-kondotta tiegħu u li kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.

Il-Qorti pprovdiet ukoll għas-sigurtà tal-mara u poġġiet lil Anastasio taħt ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.