Bħalma ngħataw sussidji lin-negozji li kellhom jagħlqu bejn Marzu u Ġunju fil-lockdown parzjali kawża tal-pandemija, il-Gvern kellu jagħti sussidju fil-liċenzja tal-vetturi lil dawk l-anzjani li għall-istess tliet xhur kellhom jibqgħu msakkra f’darhom.
Din hi l-pożizzjoni tal-Malta Automobile Club, b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex f’dawk it-tliet xhur l-anzjani ta’ aktar minn 65 sena u pesuni vulnerabbli oħrajn ma joħorġux minn darhom.
Għall-għaqda, din ir-rakkomandazzjoni fissret li dawn il-persuni ma setgħux jużaw il-vettura tagħhom matul dak il-perjodu u għalhekk, kienu mċaħda mill-użu totali tal-liċenzja annwali li ħallsu għaliha.
Il-Malta Automobile Club innotat kif f’pajjiżi oħrajn, kumpaniji tal-assikurazzjoni offrew xi forma ta’ ħlas lura lil dawk li ntlaqtu minn miżuri bħal dawn. Hu għalhekk li l-għaqda staqsiet għaliex sussidji bħal dawn ma kienux introdotti mill-Gvern b’risq dawk l-aktar fil-bżonn – sussidji li gew injorati ghall-kollox fil-Budget li gie prezentat nhar it-Tnejn li ghadda.
Dan l-appell tal- Malta Automobile Club isegwi oħrajn li għamlu għadd ta’ organizzazzjonijiet, partikolarment għal traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma…kif ukoll trahhis fil-fuels. Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jinsisti għal traħħis bin-nofs mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex ikunu mgħejjuna dawk il-familji għaddew tliet xhur f’darhom.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li nurmu ta’ familji kellhom jiffaċċjaw kontijiet ogħla tal-enerġija minħabba li kienu l-ħin kollu f’darhom. Dan minħabba r-regoli adottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
//= $special ?>