Futbol Sport

Tarxien jimpressjonaw b’ħames gowls fl-ewwel rebħa tal-istaġun

(Ritratt: Dominic Aquilina/MFA)

Matthias Mizzi

Senglea Athletic.……….0

Tarxien Rainbows…….  5

Senglea A. : M.Farrugia, N. Terzin, Z. Cassar, A. Abela, K. Atkinson (’86 L. Brincat), I. Misan, J. Tanti (’61 D. Abela), C. Riascos (’68 D. Bugeja), Z. Matombo (’61 F. Aboulezz), D. Kukic, W. Gomes (’86 J. Attard)

Tarxien R.: D. Marcio, A. Do Nascimento, B. Muscat, M. Spiteri, V. Plut, J. Debono, V. Conceicao, E. Rosado, K. Pulo,  L. Scibberas (’83 C. Zahra), M. Miranda (’76 K. Attard).

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Alan Camilleri &  Mark Ciantar

F’konfront bejn żewġ timijiet min-naħa t’isfel tal-klassifika, Tarxien għarfu japprofittaw ruħhom minn din il-partita sabiex akkwistaw l-ewwel tliet punti għal dan l-istaġun. Għaldaqstant Senglea A. baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika b’punt wieħed biss.

L-ewwel azzjoni denja tal-partita waslet mal-kwarta logħob minn freekick mogħti fil-baxx ta’ Jan Tanti. Fil-21 minuta azzjoni perikoluża minn Conceicao rat lil Tarxien ikunu sfortunati milli jiftħu l-iskor wara li l-Brażiljan qabeż faċilment id-difiża iżda l-konklużjoni tiegħu ħabtet mal-wieqfa.

Erba’ minuti wara Tarxien reġgħu marru qrib din id-darba minn xutt angolat ta’ Jurgen Debono. Dan ma waqqaf xejn milli Tarxien jibqgħu persistenti fuq l-attakk, fejn saħansitra tliet minuti wara Plut żmarka għalkollox d-difiża b’ġirja insidjuża bix-xutt b’saħħtu tiegħu jaħbat mal-lasta għat-tielet darba f’din it-taqsima. It-tim immexxi minn Wiston Muscat fetħu l-iskor fit-30 minuta wara li Miranda ra l-konklużjoni tiegħu tiġi ddevjata ġox-xibka mid-difensur ta’ Senglea, li madankollu Farrugia ma seta’ jagħmel xejn.

Fit-tieni taqsima Tarxien ħarġu aktar b’saħħithom offensivament biex fil-65 minuta r-referee inkarigat Slobodan Petrovic saffar għal penalty wara li Matthew Farrugia waqqa’ lil Conceicao fil-kaxxa. Reazzjoni għal dan il-penalty kontroversjali, 3 minuti wara Farrugia ġie imkeċċi għaliex baqa’ jippersisti mat-terna arbitrali. B’hekk il-plejer tal-partita Vanger Conceicao ma falliex mill-ħdax -il metru biex għamel l-iskor tnejn b’xejn.

Għaxar minuti wara Tarxien għamluhom tlieta wara li Conceicao sab ruħu waħdu mal-gowler u ma żbaljax mill-viċin biex għaqqad id-doppjetta personali.

Fid-89 minuta s-sostitut Cedric Zahra daħal tajjeb fl-ewwel logħba għalih dan l-istaġun fejn saħansitra ra l-kross tiegħu jikkonkludi fix-xibka b’devjazzjoni mid-difensur Senglean Alan Abela.

Żewġ minuti minn tmiem it-tisfira finali Vito Plut issiġilla r-rebħa ta’ 5-0 favur Tarxien b’goal b’saħħtu mill-kaxxa ż-żgħira. Għaldaqstant Tarxien meritatament kisbu tliet punti importanti minn dan il-konfront fin-naħa t’isfel tal-klassifika.