Internazzjonali

Brexit: Estiżi t-taħditiet tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li n-negozjaturi ewlenin tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandhom ikomplu bit-taħditiet kummerċjali ta’ wara Brexit f’Londra, sa nhar l-Erbgħa.

Sadanittant, is-sorsi infurmati qalu li, min-nhar il-Ħamis, għandhom isiru jerġa’ aktar taħditiet fuq l-istess suġġett fi Brussell, il-kapitali Belġjana.

Ir-Rappreżentant ewlieni tal-UE, Michel Barnier, kien wasal Londra xi jiem ilu biex jibda mill-ġdid in-negozjati ma’ Lord David Frost ( in-negozjatur tar-Renju Unit) wara li d-djalogu kien spiċċa staġnat aktar kmieni fix-xahar. Intant, kien hemm indikazzjonijiet li Barnier kellu jirritorna d-dar, fost it-tħejjijiet għall-fażi li jmiss tan-negozjati.

Is-sinjali huma inkoraġġanti, bis-Segretarju Britanniku għall-Irlanda ta’ Fuq, Brandon Lewis, itenni li l-estensjoni tat-taħditiet trid titqies bħala ‘indikazzjoni pożittiva ħafna’ li jista’ jintlaħaq ftehim kummerċjali bejn Londra u Brussell. Fl-istess ħin, Lewis wissa li l-ftehim irid ikun wieħed ‘li jaħdem għall-Unjoni Ewropea u daqstant ieħor għar-Renju Unit.’

Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fil-31 ta’ Jannar li għadda u issa jinsab f’perjodu ta’ tranżizzjoni, li jfisser, fost oħrajn, li l-pajjiż għadu qed isegwi r-regoli tal-Unjoni anki waqt li l-Britanniċi u l-UE qed jippruvaw ifasslu ftehim kummerċjali għal wara Brexit.

Il-perjodu tat-tranżizzjoni għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru. F’każ li l-UE u l-Gvern Britanniku jibqgħu mingħajr ftehim, ir-Renju Unit għandu jibda jmexxi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ.

Filwaqt li xi kritiċi jinkwietaw li sitwazzjoni ta’ ‘no-deal’ ( bejn l-UE u Londra) għandha toħloq il-problemi għan-negozji Britanniċi, il-Gvern ta’ Boris Johnson qed jinsisti li r-Renju Unit għandu jgawdi minn prosperità futura.

Ir-Renju Unit u l-UE kienu rritornaw mal-mejda tat-taħditiet wara pressjoni kbira għal ‘bidliet fundamentali’ fil-mod kif huma qed imexxu n-negozjati – u meta l-protagonisti l-kbar fil-proċess huma Michel Barnier u Lord Frost.

Sadanittant, Michel Barnier qed jagħmilha ċara li ‘kull ġurnata tgħodd’ f’dan il-proċess u li l-UE u r-Renju Unit ‘qed jaqsmu responsabbiltà komuni’ fit-taħditiet attwali.