Internazzjonali

Covid-19: L-Italja tagħlaq is-swali taċ-ċinema, il-gymnasiums u l-pixxini fost il-ġlieda mal-pandemija

L-awtoritajiet fl-Italja qegħdin jagħlqu s-swali taċ-ċinema, il-pixxini u l-gymnasiums fost it-tentattivi ddisprati biex irażżnu l-ispinta allarmanti fl-infezzjonijiet bil-coronavirus.

Ir-ristoranti u l-bars fl-Italja, intant, iridu jagħlqu sas-6 pm —  iżda l-ħwienet u l-parti kbira tan-negozji se jibqgħu joffru s-servizzi bħas-soltu madwar il-pajjiż.

Il-miżuri fl-Italja qed ikunu implimentati wara ftehim bejn il-Prim Ministru Giuseppe Conte u l-mexxejja tar-reġjuni Taljani.

L-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Campania, li jinkludi l-belt ta’ Napli, kienu fost l-aktar li sejħu għal restrizzjonijiet aktar riġidi, fost il-firxa tal-Covid-19.

Intant, Giuseppe Conte qal li ma jridx jirrepeti l-istat tal-lockdown nazzjonali li kien impost waqt l-ewwel mewġa tal-coronavirus (bejn Marzu u April) minħabba l-impatt negattiv għall-ekonomija nazzjonali.

Taħt il-miżuri ġodda fl-Italja, is-sistema tat-tagħlim sekondarju, fil-parti kbira, se titmexxa bil-mezzi online minflok bis-soltu lezzjonijiet fil-klassi.

Nhar is-Sibt, fl-Italja, kien irreġistrat numru rekord ġdid ta’ każi tal-Covid-19, bl-infettati għal perjodu ta’ 24 siegħa jaqbżu d-19,600. L-ammont tal-imwiet f’dan il-perjodu kien ta’ 151.

Fi żviluppi oħra, il-Kabinett ta’ Spanja qabel li jimplimenta ‘stat ta’ allarm’ madwar il-pajjiż u li jippermetti għal curfew fuq bażi nazzjonali. Dan il-pajjiż irreġistra ‘il fuq minn miljun każ tal-Covid-19 mill-bidu tal-pandemija u meta 35,000 mietu bl-infezzjoni f’dan il-pajjiż.

L-aħħar żviluppi ta’ emerġenza fi Spanja kienu approvati mill-Gvern Soċjalista ta’ Madrid, bl-appoġġ tal-Partit Ciudadanos ( taċ-ċentru-lemin) u l-partiti separatisti mir-reġjun tal-Baski u Katalonja. Dan meta il-curfew fuq bażi nazzjonali se jkun impost bejn il-11 pm u s-6 am.

Il-laqgħat soċjali u l-movimenti bejn distrett u ieħor qed ikunu projbiti fi Spanja – ħlief għal raġunijiet ta’ xogħol u ċirkustanzi li jirrikjedu t-trattament mediku.

Dan meta ‘il fuq min-nofs tas-sbatax il reġjuni fi Spanja kienu sejħu biex il-Gvern ċentrali jissikka r-restrizzjonijiet. L-‘istat tal-allarm’ li jippermetti għall-curfew u miżuri oħrajn se jkun infurzat għal ħmistax-il jum – u wara li l-istess livell tal-emerġenza kien infurzat ( fi Spanja) f’April, waqt l-ewwel mewġa tal-pandemija.