Futbol Sport

Floriana jitilgħu momentarjament fit-tielet post

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Luke Micallef

GUDJA UNITED…………… 1

FLORIANA…………………. 2

Gudja: G. Zammit, J. Farrugia (J. Brincat 76’), Y. Messias, A. Friggieri, L. Cremona, G. Mensah, I. Gonzalez, N. Micallef, A. Caseres (T. Gusman 79’), D. Camilleri (J. Grioli 42’), P. Silva Mota

Floriana: I. Akpan, E. Ruiz, D. Venancio, N. Leone (E. Arab Siraj 70’), K. Keqi (J. Busuttil 81’), B. Paiber (A. Cini 89’), J. Pisani, F. Cheveresan (A. Azzopardi 70’), M. Dias, R. Camenzuli, T. Fonseca (D. Agius 89’)

Imwissija: P. Silva Mota 19’ (G), I. Gonzalez 23’ (G), E. Arab Siraj 83 (F)

Skorjaw: D. Venancio 20’ (F), J. Pisani 38’ (F), A. Friggieri 90+2’ (G)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Ivan Galea

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jurgen Pisani (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Diego Venancio (Floriana)

F’partita kkumbattuta u bilanċjata, Floriana rebħu l-konfront tagħhom kontra Gudja bl-iskor ta’ 2-1. L-aħħar inkontru bejn dawn iż-żewġ timijiet kien lura fi Frar ta’ din is-sena. Dakinhar kienu l-Gudjani li ħarġu fuq in-naħa rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota li waslet fis-7 minuta, Floriana laqtu l-lasta l-mimduda permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Nicola Leone. Ħames minuti wara l-Gudjani rrispondew b’xutt fil-baxx ta’ Yuri Messias li għadda ftit barra. Fis-17-il minuta reġa’ kien Messias li ra l-freekick tiegħu jgħaddi ftit barra. Fl-20 minuta Floriana marru minn fuq. Minn freekick, DIEGO VENANCIO ra x-xutt tiegħu devjat minn wieħed mid-difensuri ta’ Gudja, bil-ballun spiċċa wara Glenn Zammit. Fit-38 minuta Floriana rdoppjaw. Minn korner ta’ Venancio, daħal bir-ras JURGEN PISANI li tefa’ wara Zammit għal vantaġġ doppju, bil-ballun jolqot lil Imanol Gonzalez hu u dieħel. Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, Kristian Keqi xxuttja fil-baxx, bil-ballun għadda ftit barra.

Fit-tieni taqsima Gudja ħarġu aktar avventurużi. Fit-48 minuta, Friggieri ta xutt bid-dawra li spiċċa mdawwar f’korner minn Akpan. Fid-69 minuta, xutt ċentrali tal-istess Friggieri ntlaqa’ faċilment mill-gowler Furjaniż. Gudja komplew jippressaw. Sitt minuti wara Friggieri għadda ballun pinġut lil Mensah, bix-xutt tiegħu jispiċċa devjat f’korner. Żewġ minuti fil-ħin mogħti żejjed, l-isforzi ta’ Gudja wasslu għal gowl. Kross mix-xellug waqa’ fuq AIDAN FRIGGIERI li bir-ras tefa’ wara Akpan. B’hekk Floriana telgħu momentarjament fit-tielet post bi tnax-il punt daqs Ħamrun. Gudja jibqgħu fil-5 pożizzjoni b’10 punti.