Internazzjonali

Il-Vatikan: Jinħatru 13-il kardinali ġodda

Il-Papa Franġisku ħatar 13-il kardinal minn tmien pajjiżi, meta disa’ fost il-kardinali ġodda huma eliġibbli għal sehem fil-konklavi li teleġġi lis-suċċessur tiegħu bħala Kap tal-Knisja, fil-każ ta’ mewtu.

L-ismijiet tal-kardinali tħabbru f’messaġġ sorpriża tal-Papa waqt li hu kien qed jindirizza lid-devoti mit-tieqa tal-Vatika,n li tħares għal fuq Pjazza San Pietru ta’ Ruma.

L-Arċisqof Wilton Gregory, minn Washington, hu l-ewwel Afrikan-Amerikan li ngħata t-titlu ta’ kardinal u meta hu ilu jsejjaħ għal djalogu bil-għan li tonqos mit-tenzjoni razzjali fl-Istati Uniti.

It-tlettax se jkunu elevati ‘uffiċjalment’ għal kardinal waqt ċerimonja li ssir fil-Vatikan fil-28 ta’ Novembru. L-għażla ta’ aktar ‘kardinali eletturi’, sadanittant, iżżid il-possibbiltà li l-Papa li jmiss se jkun xi ħadd li jkompli bil-politika tal-Papa Franġisku.

Id-disa’ kardinali eletturi – fosthom l-Isqof emeritu Mario Grech – ġejjin mill-Italja, ir-Rwanda, l-Istati Uniti, il-Filippini, iċ-Ċile, il-Brunej u l-Messiku. L-erba’ kardinali ġodda l-oħra ( li ġejjin mill-Italja u l-Messiku) għandhom kollha ‘il fuq minn 80 sena u qed ikunu elevati minħabba s-servizz twil tagħhom lill-Knisja.