Coronavirus Lokali Saħħa

“Is-sitwazzjoni bħalissa hi ‘the tip of the iceberg'” – MUMN

Fl-ICU hemm 15-il pazjent tal-COVID, 9 iktar mill-ġimgħa l-oħra.

“In-numru ta’ pazjenti pożittivi għall-COVID-19 kiber ferm fl-Isptar Mater Dei, bl-infermiera u t-tobba qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ilaħqu ma’ din id-domanda tant kbira… u dan għadu mhu xejn hekk kif ix-xitwa qas biss għadha bdiet, bin-numru tal-każijiet pożittivi mistennija jiżdiedu.”

L-MUMN, fi stqarrija qalet li is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’pajjiżna assolutament m’għadix taħt kontroll tant li fi ftit jiem l-ammont ta’ persuni li kellhom bżonn il-kura fl-isptarijiet żdiedu iktar mid-doppju.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni xejn sabiħa, l-MUMN qalet li m’hemmx biżżejjed infermiera jekk il-pazjenti jkomplu jiżdiedu. Dan hekk kif għadd kbir ta’ infermiera diġa’ intalbu jmorru f’żoni oħra tal-Isptar Mater Dei u saħansitra f’kmamar fl-Università ta’ Malta li nbidlu fi swali għall-pazjenti pożittivi għall-COVID, b’riżultat li l-għajnuna mill-infermiera diġa’ hi skarsa.

L-MUMN spiċċat tgħid li l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne se jkun qed iżid biss 5 infermiera fil-ġranet li ġejjin filwaqt li qalu li dan mhux mument għal tattiċi teatrali hekk kif din hi sitwazzjoni ta’ bejn ħajja jew mewt. Hu talbu lill-Gvern biex iżomm il-wiegħda ta’ żieda ta’ 200 infermiera kollha fl-Isptar Mater Dei.