Lokali

Monsinjur Mario Grech se jinħatar Kardinal

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħabbar li se jaħtar l-ewwel Kardinal Għawdxi lill-Monsinjur Mario Grech, l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex u Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Waqt l-Angelus, mit-tieqa tal-Palazz Apostoliku f’indirizz lill-pubbliku li kien jinsab fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa qara l-lista ta’ 13-il Karnidal ġdid.

Il-kardinali l-ġodda se jinħatru fit-28 ta’ Novembru li ġej meta l-Papa jlaqqa’ konċistorju.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, filwaqt li awgura lil Mario Grech għall-ħatra tiegħu, qal li dan huwa unur kbir għal Malta u Għawdex fejn hu twieled, għex u serva bħala Isqof.

Bernard Grech qal li dan hu rikonoxximent xieraq mir-ragħaj spiritwali tal-Knisja Kattolika Rumana.

“Din l-aħbar timlina bil-ferħ. Nifraħ lill-Mons. Grech għal din il-ħatra prestġjuża u nawguralu sabiex f’ħidmietu jkompli jiggwida ruħu wkoll mill-ġid sħiħ tal-persuna.”

Huwa qal li din l-aħbar timla bil-ferħ lill-Maltin u Għawdxin kollha.

F’messaġġ l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qal li d-Djoċesi ta’ Għawdex tifraħ li wieħed minn uliedha ġie msejjaħ għal missjoni bħal din. Fl-istess waqt appella biex insostnu u nagħmlu kuraġġ lill-Mons. Mario Grech bl-imħabba u bit-talb.

Intant fi stqarrija konġunta l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex il-Monsinjuri Charles Scicluna, Anton Teuma u Joseph Galea-Curmi, ferħu wkoll bit-tħabbira tal-Kardinal elett u l-ewwel ħatra ta’ kardinal Għawdxi.

Huma qalu li se jwegħduh it-talb tagħhom biex ikompli jaqdi l-Knisja Universali skont ir-rieda ta’ Alla.

Kienu bosta li esprimew u taw l-awgurju tagħhom għal din il-ħatra, inkluż il-President ta’ Malta George Vella u kif ukoll il-Prim Ministru. Dan apparti l-għadd imdaqqas ta’ reazzjonijiet pożittivi mill-poplu Malti u Għawdxi. 

Il-kamra tal-aħbarjiet ta’ Net News tawgura lill-Mons. Mario Grech għall-irwol il-ġdid tiegħu bħala Kardinal fi ħdan il-Knisja Kattolika.