“Nissaħħu Flimkien”. Hija din it-tema tad-diskors tal-Budget li se jwassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament.
F’messaġġ lin-nazzjon, il-Kap tal-PN tkellem fuq l-importanza li naħdmu flimkien u nisimgħu lin-nies. Bernard Grech stieden lil kulħadd sabiex jingħaqad mal-PN ħalli flimkien insaħħu lil Malta tagħna.
Hu qal li biex nimxu ‘l quddiem, bħala poplu rridu nissaħħu flimkien… nissaħħu f’mument fejn id-dinja qed tiffaċċja kriżi minħabba l-pandemija tal-coronavirus… nissaħħu mill-ħmieġ li rajna jseħħ madwarna fl-aħħar snin.
Bernard Grech qal li sa mill-bidu tal-mixja tiegħu li waslitu għal fejn qiegħed illum, iltaqa’ ma’diversi nies minn oqsma differenti tas-soċjetà u sema’ dak li jixtiequ jaraw sabiex pajjżna jkun aħjar. Saħaq li hemm bżonn li nbidlu fejn meħtieġ… neradikaw il-ħażin, u jkollna viżjoni politika għal Malta ġdida.
Intant, f’intervsita mal-gazzetta il-mument il-Kap tal-PN qal li l-miżuri mressqa fil-Budget kienu intiżi biss biex ikollhom effett immedjat bla ma jindirizzaw il-problemi fit-tul kawżati mill-pandemija tal-COVID-19.
Sostna li pajjiżna kellu bżonn Budget li jipproponi qafas ta’ masterplan fit-tul għall-ekonomija Maltija, li jkun mibni fuq pilastri li jwasslu għal trasformazzjoni tal-ekonomija billi jkun hemm investiment fil-qasam digitali, fit-tagħlim, fit-talent u l-governanza tajba.
Fi kliem Bernard Grech stess dan il-Budget jikxef kif il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela hu wieħed li issa għejja tant li mhux biss m’għandux viżjoni lejn il-futur, imma anki huwa xott mill-ideat.
Il-Kap tal-PN qal li għandna Gvern li qed jibża’ jiffaċċja r-realtà. B’kuntrast… il-PN irid ekonomija li taħdem għan-nies.
Bernard Grech sostna li pajjiżna għandu bżonn tama …li jista’ jagħtihielu biss il-Partit Nazzjonalista
//= $special ?>