Budget 2021 Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

“Nissaħħu flimkien” – viżjoni politika ġdida li tagħti tama lil pajjiżna

Il-Labour baqa' ċass u mar għal strateġija ta’ issa għal issa minflok ippreżentalna pjan ta’ stateġija fit-tul

Waqt diskussjoni imxandra fuq NET Television u NET FM dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-politiku qiegħed hemm biex jagħmel it-tajjeb. Għalhekk meta jsir ikun qiegħed jagħmel id-dover tiegħu u m’għandux bżonn daqq tat-trombi, iżda meta jonqos trid tkun l-Oppożizzjoni li minħabba li għandha obbligu kostituzzjonali li tirrappreżenta l-opinjoni tan-nies u mhux ta’ sezzjoni jew oħra, tikkritika dan b’mod kostruttiv kif se jkun qed tagħmel għada fid-diskors tal-budget bit-tema ‘Nissaħħu Flimkien’.

B’mod tanġibbli, il-Kap Nazzjonalista qal li meta l-Gvern, bħal gvernijiet oħra madwar id-dinja, sab ma’ wiċċu il-pandemija tal-COVID-19, għamel sew li anke billi addotta proposti tal-Partit Nazzjonalista, implimenta miżuri mmedjati sabiex jilqa’ għal din il-pandemija. Iżda malli Robert Abela mar kontra l-parir tal-esperti nazzjonali u internazzjonali u ta sens falz ta’ sigurtà li l-pandemija kienet għaddiet, sab ma’ wiċċu mewġa oħra li qegħda thedded il-futur tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk kien minħabba dan in-nuqqas ta’ maturita’ u għaqal minn naħa tal-Gvern li ma setax jippreżenta budget, kif kellu l-obbligu li jagħmel, li jħares fit-tul ida minflok wieħed li minflok irid jipprova jsewwi d-diżastru li ġab hu stess kif ammetta l-Ministru Scicluna stess f’paġna 34 tad-diskors tal budget li l-gvern għadu jrid jabbozza kemm ix-short term strategy kif ukoll il-viżjoni ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin.

Bernard Grech qal li għaliex il-Labour dejjem jara sal-ponta ta’ mnieħru ħoloq ekonomija bbażata fuq il-kostruzzjoni, il-konsum u n-numri biss, u malli din il-bużżieqa nfaqgħet f’wiċċu, il-gvern baqa ċass u mar għal strateġija ta’ issa għal issa. U hu għalhekk li fuq kollox jeħtieġ li jkollna viżjoni politika ġdida, li tagħti tama lil pajjiżna.

“Sabiex nimxu ‘l quddiem u ndawru r-rotta għal pajjiżna irrid li bħala poplu nissaħħu flimkien, f’mument fejn id-dinja qed tiffaċċja kriżi sanitarja, biex nitnaddfu mill-ħmieġ li rajna jseħħ madwarna fl-aħħar snin, biex noħolqu setturi ekonomiċi ġodda u mhux niddependu biss fuq skemi li waqqgħulna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, biex inħaddmu politika fejn ħadd ma jibqa’ lura, fejn niġġeneraw il-ġid u nqassmuh b’mod ġust bejn kulħadd, biex inżommu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika u għaliex nirrispettaw l-ambjent, biex nsibu bilanċ ġust bejn l-ambjent u l-iżvilupp.

Irridu nissaħħu flimkien għax fl-għaqda hemm is-saħħa, għaliex nistgħu nistrieħu fuq il-ħiliet ta’ xulxin biex naslu, u naslu fil-ħin, għaliex nitkellmu man-nies, nisimgħu lin-nies, niddjalogaw man-nies, għaliex l-ebda Gvern m’għandu bakketta maġika u jrid jikkonsulta mal-imsieħba soċjali, għaliex aħna membri ta’ familja Ewropea, membri f’Unjoni b’saħħitha u għaliex kull meta ngħaqadna bħala poplu rnexxejna,” temm jgħid Bernard Grech.