Budget 2021 Lokali

“Pajjiżna għandu bżonn Budget li jħares fit-tul u jindirizza t-tħassib tal-Maltin” – Bernard Grech

Għada filgħaxija l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech se jkun qed jagħmel l-ewwel diskors tiegħu fit-tul u fid-dettall bi tweġiba għall-Baġit '21

“Il-miżuri mressqa fil-Budget tat-Tnejn li għadda huma intiżi biss li jkollhom effett immedjat bla ma jindirizzaw il-problemi fit-tul kawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

Fil-verità pajjiżna kellu bżonn Budget li jipproponi qafas għal masterplan fit-tul għall-ekonomija Maltija, li jkun mibni fuq pilastri li jwassluna għal trasformazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna billi niddiversifikaw u nittrasformaw, investiment fid-diġitalizzazzjoni, ninvestu iktar fit-tagħlim u fit-talent u l-governanza tajba.”

Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal dan f’intervsita ma’ il-mument dwar id-diskors li għada se jkun qed jagħmel bi tweġiba għad-diskors tal-Budget.

Id-diksors ta’ għada minn Bernard Grech qed jitqies bħala wieħed ta’ importanza kbira mhux biss għaliex se jkun l-ewwel wieħed f’ċertu tul u dettall minn meta nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni dan ix-xahar, imma minħabba li dan jista’ jkun l-aħħar Budget tal-Gvern ta’ Robert Abela li qed ifittex pariri dwar x’jaqbillu jagħmel fir-rigward ta’ Elezzjoni Ġenerali kmieni

Fi kliem Bernard Grech stess dan il-Budget jikxef kif il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela hu wieħed li issa għejja tant li mhux biss m’għandux viżjoni lejn il-futur, imma anki xxotta mill-ideat ta’ kif jista’ jmexxi ‘l quddiem l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Mistoqsi kif iħares lejn dan il-Budget ’21, Bernard Grech qal li  dan ma kienx Baġit normali u żgur li mhux Baġit li kuntenti narawh ikun eżerċizzju ta’ marketing għall-Gvern tal-ġurnata, bħalma kien matul l-aħħar ftit snin.

Faċli tħares lejn il-miżuri li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi u tgħid li dawn huma denji għall-ġurnata ta’ llum. Però fis-sitwazzjoni bla preċedent li ninsabu fiha, dan hu Baġit li sfortunatament nesa għada.

Nesa jindirizza l-problemi li ninsabu fihom u dawk li se niffaċċjaw b’mod qawwi fil-futur immedjat.

“M’iniex se ndur mal-lewża. Hemm proposti li huma pożittivi u oħrajn li ġew irriċiklati minn snin tal-imgħoddi, però għandna Gvern li qed jibża’ jiffaċċja r-realtà.”

Mitlub jispjega dak li kien qed jgħid, Bernard Grech qal li fost l-oħrajn hemm ir-realtà tas-settur tas-saħħa u dak tat-turiżmu, li għal Robert Abela kien kollox business as usual.

Ir-realtà tal-qagħda finanzjarja li eluf ta’ familji qed jiffaċċjaw, intesiet.

Ir-realtà li l-inċertezza li nħolqot minħabba l-mismanagement tal-Prim Ministru qed tinħeba taħt it-tapit.

Ma smajna xejn fuq kif se jkunu indirizzati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fid-dawl ta’ dak kollu li sirna nafu fuq il-kuntratt korrott tal-Electrogas.

Ma smajna xejn fuq kif se ngħinu 83,000 persuna f’riskju kbir ta’ faqar.

Ma smajna xejn fuq pjan ħolistiku biex in-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu jlaħħqu mal-isfidi li għandhom, u ma smajna xejn fuq Għawdex.

Bernard Grech enfasizza li dan hu Budget li jinsa l-ġejjieni. Baġit li jippjana għal-lum, imma jinsa għada. Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni u tmexxija serja. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, diġà bdejt u se nkompli nħabbar miżuri konkreti – mhux kliem fieragħ – li għandu bżonn pajjiżna f’dan il-mument.

Il-Gvern Laburista ppreżenta Baġit li ma jaħsibx għal għada. Dan il-Gvern m’għandux pjan fit-tul. Dawn huma sinjali ta’ Gvern li għejja u li m’għandu l-ebda viżjoni materjali ta’ kif se jevita li l-ekonomija tagħna tidħol fi kriżi, aħseb u ara kemm għandu ħila li jittrasformaha.

“Aħna rridu ekonomija li taħdem għan-nies. La dan mhux jagħmlu l-Gvern se nkunu qed nagħmluh aħna. Il-Gvern kellu jserraħ moħħ il-Maltin li huma inkwetati li bit-tixrid tal-pandemija qed jiġu kkanċellati operazzjonijiet, kellu jippreżenta proposti ta’ kif se jwaqqaf l-imxija, to flatten the curve, kellu jserraħ moħħ il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur l-iktar milqut mill-Covid-19 wara li bl-attitudni tal-business as usual irnexxielu biss itawwal il-kriżi u l-effetti diżastrużi tal-pandemija.”

Bernard Grech saħaq li fil-Budget il-Gvern nesa lill-frontliners, lill-għalliema, lis-sidien tan-negozju… dan filwaqt li ma serraħx moħħ l-anzjani li jinsabu inwetati bil-pandemija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela nesa jsemmi kif se jerġa’ jgħolli isem Malta wara sensiela ta’ każi ta’ korruzzjoni.

“Dan hu Gvern inkompetenti u falla hekk kif sab il-mewġ quddiemu. Se jwettaq reshuffle għaxar xhur wara l-aħħar waħda li għamel. Pajjiżna għandu bżonn serjetà u galbu fit-tmexxija. Għandu bżonn tama li jista’ jagħtihielu biss il-Partit Nazzjonalista li kull meta ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiż dejjem għollieh ’il fuq u saħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Bernard Grech temm li l-iktar pożittiv tal-Baġit kien frott ħidma tal-Partit Nazzjonalista li daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, deċiżjoni li permezz tagħha se nġibu fondi bżonnjużi.